L-istorja tat-tilqim
L-oriġini tat-tilqim
Il-vaċċini ilhom jintużaw għal aktar minn 200 sena, minn meta ġie żviluppat l-ewwel vaċċin biex jipproteġi kontra l-ġidri, marda li qatlet sa nofs dawk kollha infettati u li kellha impatt kbir fuq iċ-ċivilizzazzjoni tal-bniedem, fl-1796.
Qabel l-iżvilupp tal-vaċċin, il-persuni kienu jiddependu minn proċess li jissejjaħ varjolazzjoni – it-tqegħid ta’ ammont żgħir ta’ viruses (li jinsabu f’materja mill-feriti tal-ġidri) minn pazjenti tal-ġidri li kienu qed jirkupruw taħt il-ġilda. Il-varjolazzjoni nġiebet fl-Ewropa mill-Asja u l-Afrika, fejn kienet ilha tintuża għal mijiet ta’ snin, iżda l-proċess kellu r-riskju li jinfetta lill-persuna bil-marda li kien maħsub li jipproteġiha minnha. L-iżvilupp ta’ vaċċin li kien aktar sikur u effettiv fisser li l-persuni setgħu jiġu protetti kontra l-ġidri mingħajr it-theddida li jiżviluppaw il-marda.
Il-vaċċin kontra l-ġidri uża materja minn ferita tal-ġidri tal-baqar – marda ħafna inqas perikoluża relatata mal-ġidri – biex jipproteġi lill-persuni kontra l-marda mingħajr ma jirriskja li dawn jiżviluppaw il-ġidri. Il-vaċċin kontra l-ġidri kien vaċċin ħaj attenwat, li uża verżjoni aktar dgħajfa ta’ sufara/virus li tikkawża/jikkawża l-marda biex ilaqqam il-persuni kontriha.
Kien biss fis-seklu 20 li kampanja madwar id-dinja dwar it-tilqim wasslet għall-eradikazzjoni tal-ġidri fl-1980. Tilqim mifrux kien ifisser li l-marda li biss biss fis-seklu 20 kienet qatlet mijiet ta’ miljuni ta’ persuni ma għadhiex toħloq riskju għas-saħħa tal-bniedem u ma għadhiex tiġi trażmessa kullimkien fid-dinja. L-aħħar każ uman ġie identifikat fl-1978. Il-ġidri hija l-ewwel u l-unika marda tal-bniedem li ġiet eradikata.
Seklu ta’ skoperta
Wara l-iżvilupp tal-vaċċin kontra l-ġidri, ix-xjentisti bdew jesploraw il-possibbiltà li jużaw it-tilqim biex jipproteġu kontra mard ieħor. Matul il-mitt sena li segwew, ix-xjenzati żviluppaw metodi għall-prevenzjoni tal-marda tar-rabja wara kuntatt mar-rabja bl-użu ta’ metodu simili għal dak użat għall-vaċċin kontra l-ġidri. Ix-xjenzati identifikaw ukoll b’suċċess razza ta’ batterji li tikkawża difterite – pass vitali fl-iżvilupp ta’ vaċċin kontra l-marda.
Fi tmiem is-seklu 19, ix-xjenzati skoprew li l-batterji maqtula bi sħana jew b’sustanzi kimiċi fil-laboratorju xorta setgħu jagħmlu s-sistema immunitarja tirreaġixxi. Dan ra l-ewwel vaċċini inattivati li ġew żviluppati biex jipproteġu lill-persuni minn infezzjoni bil-batterji tat-tifojde u tal-kolera fl-1896.
It-tilqim fl-era moderna
Hu maħsub li l-pandemija tal-Influwenza Spanjola tal-1918 qatlet sa 50 miljun persuna madwar id-dinja. Matul il-pandemija, saret ħafna riċerka dwar il-produzzjoni ta’ vaċċin kontra l-influwenza. Madankollu, minħabba nuqqas ta’ fehim tal-marda (għal żmien twil kien maħsub li kienet ikkawżata minn batterji), ma kienx qabel l-1945 li l-ewwel vaċċin kontra l-influwenza ġie approvat għall-użu. Il-vaċċin uża b’suċċess viruses tal-influwenza inattivati li għallmu lill-ġisem jiġġieled il-virus. Filwaqt li vaċċini inattivati preċedenti kienu mmirati lejn batterji, il-vaċċin kontra l-influwenza kien l-ewwel vaċċin inattivat li pproteġa kontra l-virus. Minn dak iż-żmien ’l hawn, kull sena ġie prodott vaċċin aġġornat kontra l-influwenza biex jgħin jipproteġi lill-komunitajiet mill-marda.
Fis-snin 20, ix-xjenzati skoprew li ż-żieda ta’ ċerti sustanzi mal-vaċċini setgħet issaħħaħ ir-rispons immunitarju tal-ġisem b’mod sikur. L-iskoperta tal-aġġuvanti kienet rivoluzzjonarja u wasslet biex fl-1932, l-ewwel vaċċin kontra s-sogħla konvulsiva ssaħħaħ bl-imluħa tal-aluminju. L-imluħa tal-aluminju għadhom jintużaw bħala aġġuvanti f’xi vaċċini moderni.
L-avvanzi li wasslu għal vaċċin kontra l-influwenza li rnexxa wasslu wkoll biex ix-xjenzati skoprew vaċċin kontra l-poljo, marda li hija maħsuba li qatlet aktar minn żewġ miljun persuna fl-Ewropa u kkawżat diżabilitajiet li jbiddlu l-ħajja f’miljuni oħra qabel ma vaċċin wassal għall-eliminazzjoni tagħha fl-Ewropa. Dan il-vaċċin inattivat ġie amministrat għall-ewwel darba f’numri kbar fl-1954 fl-Istati Uniti. Illum, il-vaċċin kontra l-poljo huwa inkluż fl-iskedi tat-tilqim fit-tfulija madwar l-Ewropa, u madwar id-dinja biex jiġi żgurat li t-tfal kollha jkunu protetti. Il-kampanji ta’ tilqim tal-massa wasslu lir-reġjun Ewropew biex jiġi ddikjarat ħieles mill-poljo fl-2002.
Fl-1963, ġie żviluppat vaċċin kontra l-ħosba, kawża ewlenija oħra ta’ mewt u diżabbiltà tul il-ħajja fl-Ewropa. Minn dak iż-żmien, minħabba li l-vaċċin ġie introdott fi skedi nazzjonali ta’ tilqim madwar l-Ewropa u madwar id-dinja, in-numru ta’ każijiet ta’ ħosba naqas b’mod drammatiku u l-impatt tal-marda tnaqqas b’mod sinifikanti. Madankollu, it-tifqigħat għadhom iseħħu, u dan juri l-importanza li jiġu sostnuti l-isforzi tat-tilqim.
Fehim aktar profond
Hekk kif il-fehim tagħna tas-sistemi immunitarji, tal-mard u tal-ġenetika tagħna tjieb fit-tieni nofs tas-seklu 20, ix-xjenzati skoprew modi ġodda kif jgħinuna nipproteġu ruħna mill-mard. Fis-snin 60, ix-xjenzati skoprew il-proteina li tippermetti li l-virus tal-epatite B jikkawża l-mard. Huma użaw din l-iskoperta biex jiżviluppaw l-ewwel vaċċin ibbażat fuq il-proteina li jipproteġi kontra virus fl-1981, li juża biċċa żgħira tal-virus biex jgħallem lill-ġisem kif jiġġieled il-marda.
Fl-1972, il-vaċċini abbażi ta’ vettur virali ntwerew b’suċċess f’laboratorju għall-ewwel darba, għalkemm kellhom jgħaddu kważi 50 sena sakemm vaċċin abbażi ta’ vettur virali ġie approvat għall-użu mill-bniedem għall-prevenzjoni tal-Ebola.
Fis-snin 60, l-mRNA (aċidu ribonuklejku messaġġier) ġie skopert għall-ewwel darba. L-mRNA b’mod simili għad-DNA huwa parti mis-sistema ta’ kodifikazzjoni użata biex isiru l-proteini. Matul il-ftit deċennji ta’ wara, ix-xjenzati esploraw kif l-mRNA seta’ jintuża biex jipprevjeni l-mard. Kellhom jgħaddu għexieren ta’ snin sakemm ġie skopert metodu effiċjenti biex jitwassal l-mRNA fil-ġisem. Il-vaċċini abbażi tal-mRNA kontra l-influwenza ġew ittestjati fis-snin 90, b’vaċċini potenzjali kontra r-rabja li ġew ittestjati fl-2013. Kien biss matul il-pandemija tal-COVID-19 li finanzjament addizzjonali, kollaborazzjoni internazzjonali bla preċedent, u sforzi mġedda wasslu biex l-ewwel vaċċini abbażi tal-mRNA ġew rilaxxati.
Fondazzjoni għall-futur
It-tilqim kif nafuh llum ilu jeżisti għal ġenerazzjonijiet, u naqqas b’mod sinifikanti l-impatt li mard prevenibbli b’vaċċin ikollu fuq l-individwi, il-familji u l-komunitajiet madwar id-dinja. Issa għandna vaċċini kontra ħafna mard infettiv u l-istorja twila ta’ riċerka u żvilupp xjentifiku kienet tfisser li l-lezzjonijiet mitgħallma fuq aktar minn 200 sena jkomplu jinformaw l-iżvilupp futur.
1796 - L-ewwel vaċċin li qatt eżista
Vaċċin ħaj attenwat li juża materja minn feriti tal-ġidri tal-baqar biex jipproteġi lill-persuni kontra l-ġidri aktar perikolużi.
1896 - L-ewwel vaċċin inattivat
Jiġu żviluppati l-ewwel vaċċini inattivati biex jipproteġu lill-persuni mit-tifojde u l-kolera.
1932 - L-ewwel vaċċin bl-aġġuvanti
Isir disponibbli vaċċin kontra s-sogħla konvulżiva. Wara l-iskoperta tal-aġġuvanti fis-snin 20, dan huwa l-ewwel vaċċin li fih imluħa tal-aluminju biex itejjeb ir-rispons immunitarju tal-ġisem.
1946 - l-ewwel vaċċin tal-influwenza
Il-vaċċin kontra l-influwenza kien l-ewwel vaċċin inattivat li kien jipproteġi kontra virus. Minn dak iż-żmien, ġie prodott vaċċin annwali kontra l-influwenza kull sena.
1952 - L-ewwel vaċċin kontra l-poljo
Ix-xjentisti jiskopru vaċċin kontra l-poljo, marda li hija maħsuba li qatlet aktar minn żewġ miljun persuna fl-Ewropa u kkawżat diżabilitajiet tul il-ħajja f’miljuni oħra.
1961 - Skopert l-mRNA
Ix-xjenzati jiskopru l-mRNA, u b’hekk iwittu t-triq għal tipi ġodda ta’ vaċċini.
1963 - L-ewwel vaċċin kontra l-ħosba
Jiġi skopert vaċċin kontra l-ħosba, kawża ewlenija ta’ mewt u diżabilità fl-Ewropa.
1972 - Vaċċin abbażi ta’ vettur virali rivoluzzjonarju
Ir-riċerkaturi juru b’suċċess il-potenzjal tal-użu ta’ virus li ma jagħmilx ħsara biex iwasslu l-istruzzjonijiet lill-ġisem.
1980 - Il-ġidri jiġi eradikat
Xprunar globali tat-tilqim iwassal għall-eradikazzjoni tal-ġidri, l-unika marda tal-bniedem li qatt ġiet eradikata.
1981 - L-ewwel vaċċin ibbażat fuq il-proteina
Jiġi żviluppat l-ewwel vaċċin li juża partijiet ta’ virus.
2002 - L-Ewropa tiġi ddikjarata ħielsa mill-poljo
It-tilqim mifrux tal-poljo jtemm marda li qatlet miljuni u ħalliet miljuni ta’ persuni b’diżabilità permanenti.
2006 - Vaċċin kontra l-HPV
L-ewwel vaċċin jiġi żviluppat kontra l-HPV - virus li jista’ jikkawża sitt tipi ta’ kanċer inkluż il-kanċer ċervikali u l-kanċer anali u huwa marbut ma’ għexieren ta’ eluf ta’ każijiet ta’ kanċer fl-irġiel u fin-nisa madwar l-Ewropa kull sena.
2019 - L-ewwel vaċċin abbażi ta’ vettur virali
L-ewwel vaċċin li juża virus li ma jagħmilx ħsara biex iwassal struzzjonijiet lill-ġisem jiġi approvat biex jipproteġi kontra l-Ebola aktar minn 40 sena wara li ntwera l-kunċett għall-ewwel darba.
2020 - L-ewwel vaċċin abbażi tal-mRNA
Kważi 60 sena wara l-iskoperta tal-mRNA u wara għexieren ta’ snin ta’ riċerka, l-ewwel vaċċin abbażi tal-mRNA isir disponibbli biex tiġi miġġielda l-pandemija tal-COVID-19.