Il-benefiċċji tat-tilqim
Il-vaċċini salvaw miljuni ta’ ħajjiet fl-Ewropa u fid-dinja kollha It-tilqim mifrux għen biex jiġu eliminati l-ġidri u l-poljo mill-Ewropa u biex mard li qabel kien komuni isir rari.
Meta jitlaqqmu, in-nies ikunu protetti kontra mard serju, u xi drabi l-mewt, minn mard prevenibbli b'vaċċin. Dan jipproteġi wkoll kontra t-tixrid ta’ dak il-mard fost il-membri tal-familja, il-ħbieb, il-kollegi, is-sħab tal-klassi u l-komunità usa’.
It-tilqim huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar interventi kosteffettivi tas-saħħa pubblika, peress li jipprevjeni l-ispejjeż assoċjati mat-trattament u l-kura ta’ persuni li jimirdu.
Meta għadd ta’ nies f’popolazzjoni jiġu mlaqqma kontra marda infettiva, isir inqas probabbli li l-marda tinxtered minn persuna għal oħra. Dan jipproteġi kontra tifqigħat ta’ mard u, meta biżżejjed nies isiru immuni, tista’ tintlaħaq l-“immunità komunitarja” jew l-“immunità kollettiva”. Dan jgħin biex jiġu protetti mhux biss dawk imlaqqma iżda wkoll, indirettament, dawk li huma aktar vulnerabbli għall-mard. It-tfal żgħar, l-anzjani, il-persuni b’ sistemi immunitarji dgħajfa, il-pazjenti bil-kanċer, u l-persuni li ma jistgħux jitlaqqmu għal raġunijiet mediċi lkoll jinsabu f’riskju meta l-mard jibda jinxtered permezz tal-komunitajiet, u għalhekk it-tilqim jista’ jgħin jipproteġihom ukoll.
Mard differenti u kemm hu kuntaġġuż?
Il-ħosba
12-18-il persuna
Persuna waħda bil-ħosba tista’ tinfetta bejn 12 u 18-il persuna.
Il-gattone
4-7 persuni
Persuna waħda bil-gattone tista’ tinfetta bejn 4 u 7 persuni.
Is-sogħla konvulżiva
12-17-il persuna
Persuna waħda b’sogħla konvulżiva tista’ tinfetta bejn 12 u 17-il persuna.
Id-difterite/ir-Rubella
6-7 persuni
Persuna waħda bid-difterite jew ir-rubella tista’ tinfetta bejn 6 u 7 persuni.
L-influwenza
1-4 persuni
Persuna waħda bl-influwenza tista’ tinfetta bejn 1 u 4 persuni.
Għal xi mard infettiv, in-nies ma jistgħux jiddependu fuq l-immunità komunitarja. It-tetnu huwa tali eżempju, peress li jista’ jiżviluppa bħala riżultat ta’ korrimenti komuni bħal qatgħat, selħiet u gdim ta’ klieb jew qtates. It-tilqim huwa l-uniku mod li jiżgura protezzjoni diretta kontra t-tetnu.
Għall-kuntrarju ta’ kura mogħtija biex titfejjaq marda, il-vaċċini normalment jingħataw lill-persuni f’saħħithom biex jiġi evitat li jimirdu. Għalkemm il-benefiċċji fit-tul tat-tilqim jistgħu ma jkunux ovvji immedjatament, jekk in-nies ma jibqgħux jitlaqqmu, ħafna mill-mard li llum sar rari ħafna bis-saħħa tat-tilqim, jista’ jirritorna.