L-iskedi tat-tilqim fl-UE/fiż-ŻEE
Kull pajjiż tal-UE/taż-ŻEE huwa responsabbli mill-politika nazzjonali tas-saħħa pubblika tiegħu stess, inkluż il-programm nazzjonali ta’ immunizzazzjoni u l-iskeda tat-tilqim tiegħu.
L-iskedi tat-tilqim nazzjonali ta’ kull pajjiż tal-UE/taż-ŻEE tinstab fl-Iskedatur tal-Vaċċini tal-ECDC.
L-iskedi tal-vaċċini f’kull pajjiż jista’ jkollhom xi varjazzjonijiet. Dawn jirreferu:
- għall-età ta’ dawk li qed jitlaqqmu
- għall-gruppi tal-popolazzjoni
- għan-numru u l-ħin tad-dożi
- jekk il-vaċċini jingħatawx waħedhom jew flimkien ma’ oħrajn
F’diversi pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE, it-tilqim tat-tfal kontra ċertu mard huwa obbligatorju. Id-differenzi bejn il-pajjiżi huma influwenzati minn fatturi bħall-piż tal-mard, l-istrutturi u r-riżorsi tas-sistema tal-kura tas-saħħa, il-fatturi politiċi u kulturali, kif ukoll ir-reżiljenza tal-programm ta’ tilqim.
Dawn id-differenzi fl-iskedi tat-tilqim ma jfissrux li xi wħud huma aħjar minn oħrajn, huma mfassla għal ċirkostanzi u sistemi tas-saħħa differenti. L-istess livell ta’ protezzjoni jiġi żgurat f’kull pajjiż tal-UE/taż-ŻEE.
Il-pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE kisbu rati għoljin ta’ tilqim permezz tat-tilqim obbligatorju u dak mhux obbligatorju.
Skedi tat-tilqim
L-iskedi tat-tilqim fit-tfulija fil-pajjiżi kollha tal-UE/taż-ŻEE jinkludu t-tilqim kontra:
- il-ħosba
- il-gattone
- ir-rubella
- id-difterite
- it-tetnu
- is-sogħla konvulsiva (pertussis)
- il-poljomajelite
- Haemophilus influenzae tip B
- il-virus tal-papilloma uman (HPV)
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tirrakkomanda t-tilqim kontra l-epatite B bħala parti mill-iskeda tat-tilqim fit-tfulija universali, iżda xi pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE jlaqqmu biss tfal li jkunu f’riskju akbar ta’ infezzjoni u adulti fi gruppi ta’ riskju ewlenin.
It-tfal f’xi pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE jiġu offruti tilqim kontra:
- l-epatite A
- l-influwenza
- mard invażiv ikkawżat minn Neisseria meningitidis
- mard invażiv kkawżat minn Streptococcus pneumoniae
- ir-rotavirus
- it-tuberkolożi
- il-ġidri r-riħ (variċella)
Barra minn hekk, il-pajjiżi kollha tal-UE/taż-ŻEE għandhom rakkomandazzjonijiet għat-tilqim kontra l-influwenza staġjonali (influwenza) għal gruppi ta’ riskju ewlenin.