X’inhu mistenni? Il-ġejjieni tal-iżvilupp tal-vaċċini

Ir-riċerka dwar it-tilqim dejjem tevolvi, billi tuża teknoloġiji ġodda biex tgħin tnaqqas il-piż ta’ diversi mard jew teliminahom kompletament mill-komunitajiet tagħna. 

Sa minn meta ġie żviluppat l-ewwel vaċċin fl-1796, ix-xjenzati fittxew modi ġodda biex jipproteġu lin-nies kontra mard infettiv permezz tat-tilqim. Filwaqt li xi mard fatali jew debilitanti ħafna issa jista’ jiġi evitat kompletament permezz tat-tilqim, mard ieħor xorta waħda joqtol eluf ta’ persuni madwar id-dinja kull sena, bħall-malarja. Ir-riċerka u l-iżvilupp ta’ vaċċini ġodda, flimkien mal-aċċess għall-vaċċini eżistenti, għaldaqstant jibqgħu prijorità għas-saħħa pubblika.

Issa għandna sitt teknoloġiji — jew pjattaformi — tal-vaċċini li r-riċerkaturi jużaw biex jiżviluppaw il-vaċċini. Uħud mill-avvanzi l-aktar promettenti fit-teknoloġija tal-vaċċini jinkludu vaċċini abbażi tal-mRNA u tad-DNA. Dawn it-teknoloġiji għandhom il-potenzjal li jwasslu għal skoperti lil hinn minn mard infettiv, pereżempju għall-prevenzjoni jew it-trattament ta’ ċerti tipi ta’ kanċer.
 

vaċċini abbażi tal-mRNA

It-teknoloġija abbażi tal-RNA messaġġier, jew mRNA, ilha tiġi żviluppata u ssir riċerka dwarha sa mis-sittinijiet. L-ewwel provi tal-vaċċini abbażi tal-mRNA esploraw kif dawn setgħu jintużaw fil-prevenzjoni tal-Ebola. Bil-pandemija tal-COVID-19, dawn l-isforzi bikrija nbidlu biex jindirizzaw il-COVID-19. L-ewwel vaċċin abbażi tal-mRNA approvat għall-użu fl-Ewropa kien kontra l-COVID-19 fl-2020.  

It-teknoloġija abbażi tal-mRNA ġiet ittestjata wkoll fi provi kliniċi kontra mard infettiv ieħor bħall-influwenza, l-RSV u l-marda tal-virus ZIKA. 

It-teknoloġija abbażi tal-mRNA ilha tiġi eżaminata sa mis-sebgħinijiet biex jiġu żviluppati vaċċini kontra xi forom ta’ kanċer bħall-melanoma u l-kanċer tal-pulmun u anke forom ġodda ta’ trattament tal-kanċer. It-teknoloġija ppermettiet skoperti ta’ riċerka li jgħinu fil-prevenzjoni ta’ rikorrenzi ta’ kanċers aggressivi wara kirurġija kif ukoll li jgħallmu lill-ġisem biex jattakka xi tipi ta’ kanċer qabel ma jkollhom l-opportunità li jikbru. 

Vaċċini abbażi tad-DNA

Il-vaċċini abbażi tad-DNA, magħrufa wkoll bħala vaċċini plażmidi, jaħdmu billi jwasslu sekwenzi qosra tad-DNA fil-ġisem tagħna li fihom l-istruzzjonijiet għall-produzzjoni ta’ antiġeni minn virus jew batterji speċifiċi. Ladarba l-vaċċin ikun fil-ġisem, iċ-ċelloli tagħna jużaw is-sekwenza tad-DNA u jibdew jipproduċu dawn l-antiġeni. Dan jippermetti li s-sistema immunitarja tagħna titgħallem tagħraf u tiġġieled il-marda jekk qatt inkunu esposti għaliha. 

Wieħed mill-benefiċċji potenzjali ta’ dan l-approċċ huwa li r-rispons tas-sistema immunitarja jista’ jkun ħafna aktar b’saħħtu milli b’tipi oħrajn ta’ vaċċini. Il-vaċċini abbażi tad-DNA huma wkoll aktar stabbli u aktar faċli biex jiġu prodotti mill-vaċċini abbażi tal-mRNA peress li ma għandhomx bżonn jinżammu f’temperaturi ferm taħt l-iffriżar, li jtejjeb ħafna l-aċċess. 

Il-potenzjal għall-vaċċini abbażi tad-DNA ġie skopert għall-ewwel darba fis-snin tmenin. Għadha qed issir riċerka dwar il-vaċċini abbażi tad-DNA u s’issa l-ebda wieħed minnhom għadu ma ġie approvat għall-użu fil-bnedmin fl-UE/fiż-ŻEE. Għaddejjin provi kliniċi madwar id-dinja biex jiġu investigati s-sikurezza u l-effikaċja tagħhom kontra bosta mard infettiv. Il-vaċċini abbażi tad-DNA ntużaw għall-ewwel darba fuq l-annimali fl-1993 u xi vaċċini abbażi tad-DNA ġew approvati għall-użu fl-annimali fl-Istati Uniti u fl-UE/fiż-ŻEE. Fl-2021, l-Indja approvat l-ewwel vaċċin abbażi tad-DNA għall-użu fuq il-bnedmin għall-protezzjoni kontra l-COVID-19. Il-vaċċini abbażi tad-DNA għandhom il-potenzjal li jisfruttaw firxa wiesgħa ta’ possibbiltajiet li mhumiex attwalment disponibbli, inkluż vaċċin kontra l-HIV, fost kundizzjonijiet oħra. 

Bħal fil-każ tal-vaċċini kollha u ta’ medikazzjonijiet oħra fl-Ewropa, il-vaċċini abbażi tad-DNA se jkollhom juru li huma sikuri u effettivi qabel ma jiġu approvati għall-użu fuq il-bnedmin. 
 

Forom ġodda ta’ għoti tal-vaċċini 

Minkejja l-fatt li l-vaċċini huma sikuri, effettivi u ekonomiċi, il-labar jistgħu jkunu intimidanti, speċjalment għat-tfal. Hemm ammont kbir ta’ riċerka li għadha għaddejja dwar modi innovattivi biex jiġu amministrati l-vaċċini. Xi possibbiltajiet jinkludu: 

Il-vaċċini orali diġà qed jintużaw u ilhom jiġu kkunsidrati promettenti ħafna minħabba li huma irħas, faċli biex jiġu amministrati, u jistgħu jkunu estremament effettivi. Il-vaċċin orali kontra l-poljo tnieda fis-sittinijiet u l-vaċċini orali kontra l-poljo għadhom jintużaw sa llum il-ġurnata. 

Madankollu, dawn mhumiex mingħajr l-isfidi tagħhom. Is-sistema diġestiva tagħna hija inospitabbli, l-aċidi tal-istonku jistgħu jagħmlu ħsara jew jeqirdu l-komponenti tal-vaċċin u mhux dejjem jiġu assorbiti sew fl-intestini tagħna. 

Ir-riċerkaturi issa qed iħarsu lejn modi ġodda ta’ kif l-ingredjenti jistgħu jiġu protetti fil-vaċċini orali u kif jista’ jittejjeb l-assorbiment tagħhom billi l-komponenti essenzjali jinksew b’saff protettiv mikroskopiku. Dan ifisser li l-vaċċin iżomm l-effettività tiegħu minkejja l-kundizzjonijiet ħorox li jiltaqa’ magħhom fis-sistema diġestiva. 

L-isprejs nażali għandhom il-vantaġġ li ma jeħtieġu l-ebda taħriġ speċjalizzat, u dan ifisser li n-nies jistgħu saħansitra jlaqqmu lilhom infushom malajr u b’mod faċli. L-imnieħer huwa mimli vażi qrib is-superfiċje u taħt membrana poruża, u dan ifisser li huwa mod effettiv ħafna biex iddaħħal vaċċin fil-ġisem. Peress li l-imnieħer huwa mod komuni ħafna biex il-viruses u l-batterji jidħlu fil-ġisem, l-isprejs nażali għandhom ukoll il-vantaġġ li jsaħħu r-rispons immunitarju fejn jista’ jkun l-aktar meħtieġ. 

Il-vaċċini permezz ta’ sprej nażali diġà ġew approvati fl-UE/fiż-ŻEE kontra l-influwenza fit-tfal; qed issir riċerka b’mod attiv dwarhom għal viruses respiratorji oħra, bħall-COVID-19. 
 

Ir-riċerkaturi qed jesploraw ukoll modi ta’ kif jistgħu jagħtu l-vaċċini ġol-ġilda mingħajr uġigħ f’ġettijiet ta’ arja bi pressjoni għolja jew bl-użu ta’ mewġ ultrasoniku biex vaċċin likwidu jiġi megħjun jidħol fil-ġisem. Iż-żewġ għażliet jidhru promittenti peress li ż-żona taħt il-ġilda hija kkunsidrata bħala post ideali għal ħafna vaċċini biex jinteraġixxu mas-sistema immunitarja. Madankollu, l-isfidi jibqgħu peress li l-ġilda tagħna mhijiex ta’ ħxuna uniformi. Dawn il-metodi ta’ għoti huma kkunsidrati wkoll għaljin meta mqabbla ma’ injezzjonijiet tradizzjonali jew ma’ sprejs nażali. 

Din it-teknoloġija tikkonsisti f’għexieren jew f’mijiet ta’ labar żgħar li tant huma qosra li jtaqqbu l-ġilda mingħajr ma jikkawżaw uġigħ. Dawn il-labar jippermettu li vaċċin applikat fuq il-ġilda jgħaddi minn ġol-ġisem u ġo fih. Għalkemm dan jaf ma jfissirx li daqshekk intużaw il-labar, din it-teknoloġija tista’ telimina d-dehra viżwali ta’ labra kbira u l-uġigħ assoċjat ma’ injezzjonijiet tradizzjonali. Xi studji wrew ukoll li din it-teknoloġija tista’ ttejjeb l-effikaċja.

Intwera wkoll li l-elettroporazzjoni hija mod potenzjali kif jiġu ssostitwiti s-siringi. Din taħdem billi jiġi applikat ammont żgħir ta’ elettriku biex jew jiddaħħal vaċċin ġol-ġisem jew inkella biex b’mod temporanju ċ-ċelloli “jinfetħu” għal vaċċin.