Ġenituri ġodda u li dawk li dalwaqt se jsiru ġenituri
It-tilqim jista’ jipproteġi kemm lill-ġenituri kif ukoll lit-trabi tagħhom qabel, matul u wara t-tqala.
Is-sistema immunitarja ta’ persuna tiddgħajjef ftit meta tkun tqila. Dan jista’ jfisser li tkun inqas kapaċi tiġġieled infezzjoni. Dan, flimkien ma’ bidliet oħra li jseħħu fil-ġisem matul it-tqala jfisser li persuni tqal jistgħu jkunu f’riskju ogħla minn ċerti infezzjonijiet u kumplikazzjonijiet potenzjali. Pereżempju, il-COVID-19 u l-influwenza jistgħu jkunu aktar severi matul it-tqala.
Persuna tqila tikkondividi s-sistema immunitarja tagħha mat-tarbija tagħha fil-ġuf u xi infezzjonijiet li tlaqqat jistgħu jaffettwaw ukoll lit-tarbija. Mard bħar-rubella u l-ġidri r-riħ (variċella) jista’ jikkawża difetti konġenitali. Dan jista’ jżid ir-riskju ta’ korriment – kif tista’ tagħmel ukoll l-influwenza. Li taċċerta ruħek li tkun aġġornata bit-tilqim kontra r-rubella u l-ġidri r-riħ (jekk fil-passat ma ħariġlekx il-ġidri r-riħ) u li titlaqqam qabel it-tqala jekk ikun meħtieġ, jgħin kemm għall-protezzjoni tiegħek bħala ġenitur kif ukoll tat-tarbija.
Huwa rrakkomandat li xi vaċċini jittieħdu matul it-tqala, u dawn jgħinu wkoll biex jipproteġu tarbija tat-twelid fil-perjodu kritiku immedjatament wara t-twelid qabel ma tkun tista’ titlaqqam.
Din it-taqsima se tgħin lill-ġenituri ġodda u lil dawk li dalwaqt se jsiru ġenituri jinnavigaw it-tilqim qabel, matul u wara t-tqala sabiex ikunu jistgħu jpoġġu l-fokus u l-enerġija tagħhom fuq il-familja l-ġdida tagħhom.
Tilqim qabel it-tqala
Jekk taċċerta ruħek li tinsab aġġornata bit-tilqim tiegħek tista’ tipprevjeni xi wħud mit-theddid l-aktar serju għat-tarbija tiegħek.
Vaccination during pregnancy
Vaccinating a pregnant person protects them from potentially severe disease and complications during their pregnancy and can also extend that protection to a newborn after birth.
Mistoqsijiet u Tweġibiet Ġenituri prospettivi, ġenituri ġodda u dawk li dalwaqt se jsiru ġenituri
Qed nippjanaw li jkollna tarbija, liema vaċċini għandi nieħu minn qabel?
Jekk qed tippjana li tinqabad tqila għandek taċċerta ruħek li ġejt imlaqqma kontra r-rubella u għandek tkellem lit-tabib tiegħek dwar kwalunkwe tilqima oħra li jista’ jkollok bżonn. Jekk ir-rubella toħroġlok matul it-tqala, din tista’ tikkawża korriment jew ħsara serja lit-tarbija bħal diżabbiltà tul il-ħajja.
Jekk persuna ma tkunx ħadet il-ġidri r-riħ jew il-vaċċin tal-ġidri r-riħ, huwa importanti wkoll li tikkunsidra l-vaċċin kontra din il-marda, peress li l-ġidri r-riħ jista’ jikkawża kumplikazzjonijiet severi fit-tarbija jekk joħroġ matul it-tqala.
Huwa importanti li tkellem lit-tabib tiegħek dwar it-tilqim u t-tqala u l-ħtiġijiet speċifiċi tiegħek.
Sir af dwar it-tilqim qabel it-tqala u kif tipproteġi lit-tarbija tiegħek fil-ġuf ikklikkja hawnhekk.
Liema vaċċini għandi nieħu matul it-tqala?
Vaċċini li jittieħdu matul it-tqala (it-tilqim tal-omm), kontra mard bħas-sogħla konvulżiva (pertussis), l-influwenza u l-virus respiratorju sinċiżjali (RSV - respiratory syncytial virus), jistgħu jiġu rrakkomandati peress li jistgħu jgħinu jipproteġu lit-tarbija tiegħek matul l-ewwel ftit xhur ta’ ħajjitha u sakemm tikber biżżejjed biex titlaqqam.
Jekk jogħġbok kun af li ma tistax titlaqqam kontra l-mard kollu matul it-tqala. Pereżempju, ma tistax titlaqqam kontra r-rubella jew il-variċella, peress li dawn huma vaċċini ħajjin li fihom verżjoni mdgħajfa tal-mikrobu li jikkawża l-marda. Normalment hu rrakkomandat li jittieħdu qabel ma tinqabad tqila jekk ikun possibbli.
Huwa importanti li tkellem lit-tabib tiegħek dwar it-tilqim u t-tqala u l-ħtiġijiet speċifiċi tiegħek.
Biex issir taf aktar dwar it-tilqim matul it-tqala, ikklikkja hawnhekk.
Il-vaċċini jistgħu jaffettwaw il-probabbiltà li ninqabad tqila?
Il-vaċċini jistgħu jaffettwaw il-probabbiltà li ninqabad tqila?
It-tilqim ma jaffettwax il-fertilità. M’hemm l-ebda evidenza li xi vaċċini għandhom xi impatt negattiv fuq il-fertilità tal-irġiel jew tan-nisa.
Xi vaċċini, bħal dawk kontra r-rubella u l-RSV, jistgħu jgħinu jipproteġu lit-tarbija tiegħek matul it-tqala u wara t-twelid. Għal aktar informazzjoni, ikklikkja hawnhekk u hawnhekk.
Jien tqila, il-vaċċini jistgħu jweġġgħu lit-tarbija fil-ġuf?
It-tilqim huwa sikur kemm għalik kif ukoll għat-tarbija tiegħek. Madankollu, jekk inti tqila jew qed taħseb biex tinqabad tqila, huwa importanti li tinforma lit-tabib tiegħek dwar dan u li jkollok konverżazzjoni miegħu dwar liema vaċċini huma rrakkomandati fis-sitwazzjoni tiegħek u liema vaċċini għandhom jiġu posposti għal data aktar tard.
Meta tkun tqila, huwa importanti li tikkonsulta l-linji gwida nazzjonali u li tkellem lit-tabib tiegħek rigward it-tilqim. Xi vaċċini huma rrakkomandati matul it-tqala biex jgħinu jipproteġu lilek u lit-tarbija tiegħek fil-ġuf (RSV, COVID-19, influwenza).
Sir af dwar ir-rakkomandazzjonijiet nazzjonali fir-rigward tat-tilqim matul it-tqala hawnhekk.
Għaliex xi vaċċini mhumiex irrakkomandati li neħodhom matul it-tqala?
Vaċċini ħajjin attenwati jużaw forma mdgħajfa (jew attenwata) tal-mikrobu li jikkawża marda biex jiġġeneraw rispons immunitarju. Dawn il-verżjonijiet ma jistgħux jikkawżaw mard f’persuni b’saħħithom, iżda hemm possibbiltà żgħira li jistgħu jinfettaw lit-tarbija fil-ġuf. Għalkemm il-possibbiltà hija żgħira ħafna, ikun aħjar jekk dawn il-vaċċini jittieħdu qabel ma tinqabad tqila.
Eżempji ta’ vaċċini ħajjin attenwati jinkludu:
- Rubella
- Variċella
- Ħosba
Jekk inti tqila jew qed taħseb biex tinqabad tqila, huwa importanti li tinforma lit-tabib tiegħek dwar dan u li jkollok konverżazzjoni miegħu dwar liema vaċċini huma rrakkomandati fis-sitwazzjoni tiegħek u liema vaċċini għandhom jiġu posposti għal data aktar tard.
Sir af dwar ir-rakkomandazzjonijiet nazzjonali fir-rigward tat-tilqim matul it-tqala hawnhekk.
Ġejt imlaqqma meta kont tifla; għandi bżonn xi boosters għat-tqala tiegħi?
Minħabba li l-protezzjoni li joffru xi vaċċini tista’ tonqos maż-żmien, hija idea tajba li tiċċekkja mat-tabib tiegħek dwar kwalunkwe boosters li huma rrakkomandati qabel jew matul it-tqala.
Il-parti l-kbira tal-pajjiżi fl-UE/fiż-ŻEE jirrakkomandaw tilqim kontra l-influwenza u s-sogħla konvulżiva matul kull tqala, skont meta l-persuna tkun ġiet imlaqqma l-aħħar - peress li dawn jistgħu jgħinu jipproteġu lit-tarbija tiegħek fl-ewwel ġimgħat u xhur ta’ ħajjitha.
Sir af dwar ir-rakkomandazzjonijiet nazzjonali fir-rigward tat-tilqim matul it-tqala hawnhekk.
Nista’ nitlaqqam jekk inkun qed inredda’?
Il-ġenituri li jkunu qed ireddgħu lit-tarbija tagħhom jistgħu jieħdu kwalunkwe vaċċin li jista’ jkollhom bżonn bħas-soltu. M’hemm l-ebda evidenza li t-tilqim jista’ jinterferixxi mat-treddigħ jew li jkun ta’ riskju għat-tarbija tiegħek jekk tkun qed tredda’.
Għalkemm mhux irrakkomandati matul it-tqala, anke vaċċini ħajjin attenwati huma sikuri waqt it-treddigħ minħabba li viruses jew batterji mdgħajfa ma jistgħux jiġu trażmessi permezz tal-ħalib tas-sider.
Il-ħalib tas-sider fih xi antikorpi li jistgħu jgħaddu għand it-tarbija tiegħek, b’mod partikolari fl-ewwel ftit ġimgħat ta’ ħajjitha. Din il-protezzjoni ma tantx iddum anke jekk tkompli tredda’ lit-tarbija tiegħek, għalhekk huwa importanti li tlaqqamha skont l-iskeda nazzjonali ta’ tilqim fit-tfulija ta’ pajjiżek.
It-tilqim tal-omm jista’ jgħin ukoll biex jipproteġi tarbija tat-twelid sakemm din tkun tista’ titlaqqam.
It-tilqim fil-waqt tat-tarbija tiegħek joffri l-aħjar protezzjoni possibbli u jfisser li inti tista’ tiffoka biex tgawdi l-ħin mat-tarbija b’saħħitha li għadha kif ingħaqdet mal-familja tiegħek.
Nista’ nistenna sakemm ikun hemm tifqigħa biex inlaqqam lit-tarbija tiegħi?
Jekk tistenna li sseħħ xi tifqigħa qabel ma tlaqqam lit-tarbija tiegħek tista’ tpoġġiha f’riskju ta’ infezzjoni bla bżonn.
It-tilqim normalment idum ftit (sa ġimagħtejn) qabel ma joffri l-aqwa livell ta’ protezzjoni u xi mard jeħtieġ dożi multipli ta’ vaċċini għall-aqwa protezzjoni. Is-sintomi jistgħu jdumu ftit qabel ma jiżviluppaw wara infezzjoni, u dan ifisser li jista’ jkun diffiċli li tkun taf meta bdiet tifqigħa u li tevita persuni infettati.
Sabiex isserraħ rasek u taċċerta ruħek li t-tarbija tiegħek tibda ħajjitha bl-aħjar mod, segwi l-iskeda nazzjonali ta’ tilqim fit-tfulija tiegħek.