Dwarna

Informazzjoni korporattiva

Il-Portal Ewropew dwar l-Informazzjoni dwar it-Tilqim (EVIP) ġie żviluppat miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), fi sħubija mal-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) [1].

EVIP huwa riżorsa għal informazzjoni preċiża u aġġornata dwar vaċċini differenti, il-benefiċċji u l-effetti sekondarji potenzjali tagħhom, il-mekkaniżmi fis-seħħ għall-monitoraġġ tas-sikurezza tal-vaċċini, u l-iskedi nazzjonali tat-tilqim.

L-għan huwa li l-pubbliku jiġi pprovdut b’aċċess faċli għal informazzjoni affidabbli u bbażata fuq ix-xjenza dwar il-vaċċini u t-tilqim, u li jgħin fil-ġlieda kontra l-miżinformazzjoni dwar il-vaċċini fl-Ewropa. Dan jista’ jgħin lill-individwi u lill-komunitajiet jieħdu deċiżjonijiet infurmati li jistgħu jnaqqsu t-tixrid ta’ mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim, u jipproteġu s-saħħa individwali u pubblika.

L-informazzjoni kollha fuq is-sit web tagħna hija riveduta u approvata minn tim ta’ esperti dwar it-tilqim u s-saħħa pubblika [2], u hija maħsuba biex tgħinek tipproteġi lilek innifsek u lill-komunità tiegħek minn mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim.

Logo of European Commission

Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea hija l-korp eżekuttiv tal-UE. Dan jirrappreżenta l-interessi tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Il-Kummissjoni hija impenjata li tagħmel lill-Ewropa post aktar b’saħħtu u aktar sikur, fejn iċ-ċittadini jistgħu jkunu kunfidenti li l-interessi tagħhom huma protetti.

Tgħallem aktar dwar l-attivitajiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tilqim

Tgħallem aktar dwar id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, id-dipartiment responsabbli għas-sikurezza alimentari u l-politiki tas-saħħa pubblika

ECDC logo

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) huwa aġenzija xjentifika tal-UE li għandha l-għan li ssaħħaħ id-difiżi tal-Ewropa kontra mard infettiv. Fil-qasam tal-mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim, l-ECDC jipprovdi data ta’ sorveljanza regolari u pariri xjentifiċi dwar it-tilqim, jimmonitorja t-tifqigħat tal-mard u jiżviluppa materjali biex tiġi appoġġata l-komunikazzjoni dwar l-immunizzazzjoni. 

L-ECDC iżomm ukoll Skeda tal-Vaċċini, li hija pjattaforma online u interattiva li turi l-iskedi tat-tilqim tal-Istati Membri kollha tal-UE.

Żur is-sit web tal-ECDC

EMA logo

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) hija responsabbli għall-evalwazzjoni xjentifika, is-superviżjoni u l-monitoraġġ tas-sikurezza tal-mediċini fl-UE. L-EMA tiżgura l-effikaċja, il-kwalità u s-sikurezza tal-vaċċini. L-EMA u l-kumitati xjentifiċi tagħha jeżaminaw id-data kollha disponibbli u jivvalutaw il-benefiċċji u r-riskji tagħhom qabel ma jiġu approvati u waqt li jiġu kkummerċjalizzati fl-UE. L-EMA taħdem mill-qrib mas-sħab Ewropej u internazzjonali u taqsam informazzjoni dwar il-vaċċini u l-prattika regolatorja tajba.

Żur is-sit web tal-EMA

Vaccine Safety Net

Is-sit web ta’ EVIP huwa membru tal-Vaccine Safety Net (VSN), network globali ta’ siti web stabbiliti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li jipprovdi informazzjoni affidabbli dwar is-sikurezza tal-vaċċini.

Ikkuntattjana

Tista’ tikkuntattjana permezz ta’ evip@ecdc.europa.eu

[1] EVIP hija inizjattiva tal-Unjoni Ewropea u ġiet żviluppata wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Kooperazzjoni Msaħħa kontra l-Mard li Jista’ Jiġi Evitat bit-Tilqim adottata f’Diċembru 2018.

[2] Il-Kummissjoni Ewropea, l-ECDC u l-EMA għandhom mekkaniżmi fis-seħħ sabiex jiżguraw l-imparzjalità. Il-persunal u l-esperti huma meħtieġa jiddikjaraw kwalunkwe interess personali jew kwalunkwe interess fi kwalunkwe negozju jew organizzazzjoni li jista' jikkomprometti l-imparzjalità tagħhom. Dan bil-għan li jiġi żgurat li, meta jwettqu l-kompiti tagħhom, il-persunal u l-esperti ma jindirizzawx kwistjonijiet li jista' jkollhom interess personali fihom, b'mod dirett jew indirett, li jista' jxekkel l-indipendenza tagħhom.

Page last updated 22 May 2023