Tilqim ta’ rkupru u boosters
Xi persuni setgħu tilfu tilqima jew ma ħadux in-numru rakkomandat ta’ dożi. Xorta jistgħu jirkupraw.
Kulħadd għandu jiċċekkja jekk kienx ħa t-tilqim rakkomandat b’mod nazzjonali, u jikkonsulta professjonist mediku f’każ li jkollu bżonn xi tilqim ta’ rkupru. Dan jista’ jinvolvi li wieħed iħares lejn ir-rekords tat-tilqim jew l-iskedi tat-tilqim fis-seħħ meta twieldet il-persuna. Għal xi mard, bħall-variċella (il-ġidri r-riħ) u r-rubella, huwa wkoll possibbli li jsir test biex jiġi vverifikat jekk il-persuna hijiex immuni.
Jekk persuna ma tkunx taf jekk ġietx imlaqqma kontra ċerta marda, normalment tista’ tieħu doża żejda mingħajr ma żżid ir-riskju ta’ effetti sekondarji serji.
Jistgħu jiġu organizzati programmi ta’ tilqim ta’ rkupru għal mard speċifiku. Pereżempju, minħabba n-numru li qed jiżdied ta’ każijiet ta’ ħosba fost l-adolexxenti u l-adulti żgħar, jeżistu programmi ta’ rkupru f’numru ta’ pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE għal persuni li setgħu tilfu t-tilqim tal-ħosba meta kienu iżgħar jew li huma kbar wisq biex jirċevuha bħala tfal.
Ħafna mill-vaċċini jipprovdu immunità tul il-ħajja.
Madankollu, xi vaċċini jipprovdu immunità li tonqos maż-żmien, magħrufa bħala “immunità li tbatti”. Xi pajjiżi jirrakkomandaw dożi booster f’intervalli regolari matul l-adoloxxenza u l-perjodu meta wieħed ikun adult, sabiex tinżamm l-immunità matul perjodu itwal ta’ żmien, pereżempju kontra:
- id-difterite
- it-tetnu
- il-pertussis (sogħla konvulżiva)
Xi pajjiżi jirrakkomandaw boosters speċifikament għal individwi li jivvjaġġaw jew li jinsabu f’riskju miżjud li jiġu esposti għall-marda.
Il-fornituri tal-kura tas-saħħa jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar id-dożi booster meħtieġa.
L-iskedi tat-tilqim fl-UE/fiż-ŻEE
Meta għandhom il-persuni jitlaqqmu kontra l-mard? Sir af x’jirrakkomanda kull pajjiż fl-UE/fiż-ŻEE hawnhekk.
Tilqim obbligatorju jew irrakkomandat
Informazzjoni dwar tilqim obbligatorju u rakkomandat fil-pajjiżi Ewropej.
Is-sikurezza tal-vaċċini u l-effetti sekondarji
Min għandu joqgħod attent rigward it-tilqim u t-tobba f’liema każ jagħtu parir biex dan ma jsirx?