RSV
X’inhu l-RSV?
Il-virus respiratorju sinċizjali (RSV)huwa virus respiratorju komuni li jikkawża sintomi ħfief u simili għal riħ. Il-persuni li jieħdu l-RSV normalment jirkupraw f’madwar ġimgħa mingħajr il-ħtieġa ta’ trattament mediku. Madankollu, fi trabi taħt is-sitt xhur, adulti akbar fl-età, u persuni b’sistema immunitarja kompromessa, l-RSV jista’ jikkawża mard serju u mewt.
Fl-Ewropa, l-RSV huwa responsabbli għar-rikoveru l-isptar ta’ madwar 250 000 tifel u tifla taħt il-ħames snin, li uħud minnhom ikollhom bżonn kura intensiva, u ta’ madwar 160 000 adult kull sena. Wieħed minn kull għoxrin persuna akbar fl-età fl-Ewropa jikkuntratta l-RSV kull sena.
Mad-daqqa t’għajn: L-RSV fl-Ewropa
- Marda respiratorja kkawżata minn virus
- L-RSV jinfirex faċilment mill-arja
- Madwar 250 000 tifel jew tifla jidħlu l-isptar u 160 000 adult jidħlu l-isptar kull sena.
- L-RSV jista’ jikkawża mard serju fit-trabi, fl-anzjani u f’persuni b’sistemi immunitarji dgħajfa.
- It-tilqim jista’ jipprevjeni l-RSV u l-kumplikazzjonijiet tiegħu
X’inhuma s-sintomi tal-RSV?
L-RSV jaffettwa gruppi ta’ etajiet differenti b’mod differenti, iżda l-aktar sintomi komuni tal-kundizzjoni jinkludu:
- Sogħla
- Għatis
- Deni
- Imnieħer iqattar
- Tħarħir
- Uġigħ fil-griżmejn
- Uġigħ ta’ ras
- Konġestjoni
- Għeja
It-trabi li jikkuntrattaw l-RSV jistgħu jiżviluppaw sintomi differenti bħal:
- Irritabbiltà
- Tnaqqis fl-aptit
- Bidliet fil-mudell tan-nifs tagħhom
- Apnea (waqfien temporanju tan-nifs, speċjalment waqt l-irqad)
Fi tfal taħt il-5-il sena, l-RSV jista’ jikkawża wkoll:
- Teħid tan-nifs b’mod rapidu
- Diffikultà biex tibla’
- Sepsi
L-adulti bl-RSV jistgħu wkoll jesperjenzaw:
- Diżorjentazzjoni
- Qtugħ ta' nifs
X’inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-RSV?
Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-każijiet huma ħfief, l-RSV jista’ jaggrava l-kundizzjonijiet mediċi eżistenti u jikkawża kumplikazzjonijiet serji li jistgħu jkunu ta’ theddida għall-ħajja. Kumplikazzjonijiet ta’ infezzjoni severa tal-RSV jinkludu l-bronkjolite fit-trabi u fit-tfal żgħar, l-infjammazzjoni tal-passaġġi żgħar tal-arja fil-pulmun, u l-pulmonite, infezzjoni tal-pulmun.
Fit-trabi u fit-tfal żgħar, is-sinjali ta’ infezzjoni severa tal-RSV li jeħtieġu attenzjoni medika urġenti huma marbuta ma’ diffikultà fit-teħid tan-nifs. Nifsijiet qosra baxxi, ivvampjar tal-imnieħer waqt jit-teħid tan-nifs, it-teħid storbjuż tan-nifs, il-pawżi fit-teħid tan-nifs, u rassafis-sider ifissru ħtieġa urġenti għal kura medika. Barra minn hekk, il-ġenituri għandhom jaraw jekk hemmx kulur blu jew griż fix-xofftejn, fil-ħalq jew fid-dwiefer tas-swaba’ peress li dan huwa sinjal ta’ livelli kritikament baxxi ta’ ossiġenu fid-demm.
It-trabi jistgħu jiżviluppaw ukoll sepsi, infezzjoni tal-fluss tad-demm li tista’ tikkawża varjetà ta’ sintomi li jinkludu tnaqqis fil-pressjoni tad-demm, żieda fir-rata tat-taħbit tal-qalb u deni. Adulti akbar fl-età bl-RSV jistgħu jiżviluppaw kumplikazzjonijiet bħall-Mard Pulmonari Ostruttiv Kroniku (COPD) li jmur għall-agħar, u l-mard tal-qalb.
Kif jinfirex l-RSV?
L-RSV jinfirex minn persuna għal persuna primarjament permezz ta’ partikoli rilaxxati fl-arja minn persuna b’infezzjoni (b’mod partikolari meta titkellem, tkanta, tgħajjat, tagħtas, tisgħol eċċ.). Dawn il-partikoli mbagħad jistgħu jilħqu lil persuni oħrajn fil-qrib għax jistgħu jeħduhom man-nifs.
Il-persuni bl-RSV normalment ixerrdu l-virus għal 3 sa 8 ijiem u jistgħu jibdew ixerrduh jum jew tnejn qabel ma jħossuhom morda. Xi trabi u persuni b’sistemi immunitarji dgħajfa jistgħu jibqgħu jxerrdu l-RSV għal 4 ġimgħat jew aktar, anki wara li jkunu jidhru aħjar.
Partikoli akbar (qtar) jistgħu wkoll jinżlu fuq l-uċuħ li persuni oħra jistgħu jmissu, u dan iwassal biex il-virus jmur fuq idejhom u dawn jieħdu l-infezzjoni meta jmissu għajnejhom, imneħirhom, jew ħalqhom. Dan huwa mezz komuni ta’ trażmissjoni għat-trabi u għat-tfal żgħar li jmissu ma’ uċuħ u ġugarelli infettati jew iqiegħduhom f’ħalqhom.
Min jinsab f’riskju ta’ RSV?
Il-RSV jista’ jaffettwa persuni ta’ kwalunkwe età u kważi t-tfal kollha se jiġu infettati bl-RSV sa meta jkollhom sentejn.
Dawk l-aktar f’riskju ta’ mard sever jinkludu trabi prematuri u dawk taħt sitt xhur, adulti akbar fl-età u dawk b’sistemi immunitarji mdgħajfa jew kundizzjonijiet preeżistenti bħad-dijabete, il-mard tal-qalb, u l-mard tal-pulmun.
Kif jista’ jiġi evitat l-RSV?
Sabiex jiġu protetti l-popolazzjonijiet f’riskju ta’ mard serju tal-RSV, f’dawn l-aħħar snin ġew awtorizzati diversi tipi ta’ prodotti tal-immunizzazzjoni għal gruppi differenti tal-popolazzjoni fl-UE. Linji gwida nazzjonali jindikaw liema minn dawn huma rrakkomandati f’kull pajjiż.
Antikorpi monoklonali huma proteini magħmula fil-laboratorju li jaġixxu bħal għodod preċiżi biex jgħinu lill-ġisem tiegħek jiġġieled patoġenu speċifiku. Fil-każ tal-RSV,_l-antikorpi monoklonali jingħataw lit-trabi tat-twelid u lit-trabi biex jipproteġuhom minn RSV sever matul l-ewwel staġun tal-RSV tagħhom u jistgħu jingħataw lit-tfal sal-età ta’ 24 xahar li jibqgħu vulnerabbli għall-marda tal-RSV severa permezz tat-tieni staġun tal-RSV tagħhom.
Hemm ukoll vaċċin kontra l-RSV awtorizzat għall-adulti mill-età ta’ 18-il sena u aktar, li huwa awtorizzat ukoll bħala vaċċin matern. Skont ir-rakkomandazzjonijiet nazzjonali, dan il-vaċċin jingħata matul it-tqala biex jgħin fil-protezzjoni tat-trabi billi l-antikorpi protettivi jiġu ttrasferiti lejn il-fetu permezz tal-plaċenta.
Żewġ vaċċini oħra kontra l-RSV huma awtorizzati għall-adulti ta’ 60 sena u aktar, u kull wieħed għandu wkoll indikazzjonijiet għal gruppi speċifiċi ta’ età iżgħar f’riskju ogħla ta’ mard sever.
Jekk issegwi l-passi li ġejjin tista’ tgħin tillimita t-tixrid tal-RSV u tipproteġi lill-persuni vulnerabbli għal mard sever:
- il-ħasil u s-sanitizzazzjoni ta' spiss tal-idejn
- għatti mnieħrek u ħalqek meta tagħtas
- l-evitar ta’ kuntatt ma’ oħrajn meta tkun marid
Kif jiġi ttrattat l-RSV?
Każijiet ħfief ta’ RSV normalment ma jeħtieġu ebda trattament peress li n-nies jirkupraw waħedhom wara ftit jiem. It-trabi ta’ inqas minn sitt xhur jista' jkollhom bżonn jibqgħu l-isptar biex ikunu immonitorjati l-livelli tat-teħid tan-nifs u tal-ossiġenu tagħhom.
F’każijiet severi, it-trattament fl-isptar jista’ jinkludi kura ta’ appoġġ u appoġġ għat-teħid tan-nifs flimkien ma' trattamenti speċifiċi ta’ terminu twil għall-kumplikazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu.