Ir-Rabja

Skeda Informattiva

X’inhi r-rabja?

Ir-rabja hija infezzjoni virali li taffettwa s-sistema nervuża ċentrali. It-tilqim u l-kura preventiva ftit wara li wieħed ikun potenzjalment ġie espost jistgħu jipprevjenu l-bidu tas-sintomi. Ladarba jitfaċċaw is-sintomi ta’ infezzjoni, ma jkun hemm l-ebda kura u l-marda tkun fatali.  

Fid-dinja kollha, il-virus tar-rabja jikkawża għexieren ta’ eluf ta’ mwiet kull sena.  

Mad-daqqa t’għajn

  • Ir-rabja hija infezzjoni li tista’ tinxtered minn annimali infettati lill-bnedmin, normalment permezz ta’ gidma jew girfa. Wara li persuna tkun ġiet infettata, jekk jitfaċċaw is-sintomi, il-marda kważi dejjem tkun fatali.  
  • Ir-rabja hija rari fl-Ewropa. L-UE/iż-ŻEE rreġistraw każ wieħed fil-bnedmin tar-rabja fl-2023 – l-ewwel wieħed mill-2019 meta ġew irrapportati 5 każijiet (fi 3 minn dawk il-każijiet, l-infezzjoni seħħet waqt l-ivvjaġġar barra mill-Ewropa). Madwar id-dinja kollha, 99% tal-każijiet fil-bnedmin huma marbuta mal-klieb.  
  • Ir-rabja tista’ tiġi pprevenuta permezz ta’ tilqima.

Sir af dwar il-vaċċin kontra r-rabja fil-pajjiż fejn tinsab. 

X’inhuma s-sintomi tar-rabja?

Wara l-esponiment, jistgħu jgħaddu ġimgħat jew saħansitra xhur sakemm is-sintomi jibdew jidhru. Ladarba jibdew is-sintomi, il-marda tiżviluppa f’għadd ta’ stadji:  

  • Tingiż u/jew tnemnim madwar il-ġilda fejn ikun hemm il-gidma jew il-girfa li kkawżat l-infezzjoni
  • Uġigħ fil-muskoli
  • Dardir u remettar  
  • Idrofobija (diffikultà meta wieħed jara jew jiġi f’kuntatt ma’ likwidi) u aerofobija (diffikultà meta wieħed ikun qed jesperjenza ventilazzjoni, bħal twieqi jew bibien miftuħin) ladarba jibdew is-sintomi tal-marda

Wara l-bidu inizjali tas-sintomi, ir-rabja tiżviluppa permezz ta’ fażi furjuża jew paralitika, b’sintomi ħafna aktar severi u li dejjem jispiċċaw bil-mewt tal-pazjent. Is-sintomi ta’ dawn il-fażijiet huma:

Fażi furjuża:  

  • Aġitazzjoni jew aggressjoni estrema
  • Sens ta’ aġitazzjoni – diffikulta’ li żżomm bi kwietek
  • Aċċessjonijiet  
  • Alluċinazzjonijiet
  • Delirju
  • Taħbit tal-qalb mgħaġġel ħafna
  • Spażmi tal-muskoli
  • Paraliżi tal-wiċċ
  • Salivazzjoni eċċessiva

Fażi paralitika:

  • Dgħufija li tibda mill-parti migduma u li tinxtered mal-ġisem kollu
  • Tnemnim u sensazzjonijiet oħrajn
  • Paraliżi  
  • Koma

Kif tinxtered ir-rabja?

Ir-rabja tista’ tinxtered lill-bnedmin permezz tal-esponiment għall-bżieq ta’ annimal infettat, pereżempju permezz ta’ gidma jew girfa jew permezz ta’ annimal li jilgħaq lil xi ħadd madwar l-għajnejn, il-ħalq jew ferita miftuħa. Prattikament il-każijiet kollha tar-rabja fil-bnedmin madwar id-dinja jiġu trażmessi minn klieb infettati, iżda l-friefet il-lejl ġieli kienu responsabbli wkoll għal infezzjonijiet fil-bnedmin.  

Min huwa f’riskju li jkun infettat bir-rabja?

Fl-UE/fiż-ŻEE, huwa improbabbli li n-nies jiġu f’kuntatt ma’ annimal infettat. Madankollu, il-persuni li jivvjaġġaw barra mill-UE/miż-ŻEE, jew dawk li jaħdmu mill-qrib ma’ mammiferi li huma trażmettituri potenzjali jinsabu f’riskju ogħla.  

Kif tista tiġi pprevenuta r-rabja?

It-tilqim jista’ jipproteġi kontra r-rabja. Il-vaċċin kontra r-rabja jista’ jingħata wkoll wara l-esponiment u qabel il-bidu tas-sintomi, u b’hekk titnaqqas il-probabbiltà li wieħed jimrad. Meta disponibbli, l-għoti tal-immunoglobulini jista’ jiġi kkunsidrat ukoll, b’mod partikolari lil persuni li ma jkunux tlaqqmu qabel l-esponiment.

Il-persuni li jivvjaġġaw lejn żoni fejn ir-riskju ta’ esponiment huwa sinifikanti għandhom jiżguraw li jitlaqqmu qabel il-vjaġġ.

Il-gdim għandu jitnaddaf sew bis-sapun għal 15-il minuta u mbagħad wara jkun diżinfettat.

Kif tiġi ttrattata r-rabja?

Ma hemm l-ebda kura għar-rabja ladarba jitfaċċaw is-sintomi. Madankollu, wara l-esponiment, jista’ jingħata l-vaċċin kontra r-rabja lill-pazjenti biex il-ġisem jiġi mgħallem ħalli jiġġieled l-infezzjoni qabel ma tilħaq il-moħħ. Il-persuni li ma jkunux tlaqqmu qabel ikollhom bżonn aktar dożi.

Il-persuni li ma jkunux tlaqqmu qabel l-esponiment jistgħu jingħataw ukoll antikorpi (l-hekk imsejħa “immunoglobini umani kontra r-rabja”) li jgħinu fil-ġlieda kontra l-infezzjoni.