Kif jaħdmu l-vaċċini
Il-vaċċini jaħdmu billi jgħallmu lis-sistema immunitarja kif tiġġieled marda f’każ li qatt tiġi f’kuntatt magħha. Dan inaqqas ħafna r-riskju ta’ mard serju jew ta’ tixrid ta’ marda lil ħaddieħor. Il-vaċċini jistgħu jipproteġu kontra marda waħda jew bosta mard. Xi drabi, jistgħu jingħataw vaċċini multipli fl-istess ħin sabiex jipproteġu kontra diversi mard.
Il-vaċċini jistgħu jipproteġu kontra marda waħda jew kontra bosta mard. Xi drabi, jistgħu jingħataw vaċċini multipli fl-istess ħin sabiex jipproteġu kontra diversi mard.
Il-biċċa l-kbira tal-vaċċini fihom forma mdgħajfa jew inattivata ta’ virus jew batterju, jew parti żgħira minnu, li jissejjaħ antiġene.
Meta persuna titlaqqam, is-sistema immunitarja tagħha tagħraf l-antiġene bħala barrani. Dan jattiva ċ-ċelloli immunitarji sabiex jipproduċu antikorpi u joħloq memorja tal-virus jew tal-batterju.
Aktar tard, jekk il-persuna tiġi f’kuntatt mal-virus jew mal-batterju proprju, is-sistema immunitarja tagħha tiftakru, u mbagħad tipproduċi l-antikorpi t-tajba u tattiva malajr iċ-ċelloli immunitarji korretti, sabiex joqtlu l-virus jew il-batterju. Dan jipproteġi lill-persuni mill-marda.
B’kuntrast ma’ dan, persuni li jsiru immuni billi taqbadhom il-marda proprja jistgħu jxerrduha lil oħrajn u jpoġġu lilhom infushom f’riskju ta’ kumplikazzjonijiet serji mill-marda.
Protezzjoni
Vaċċini differenti jwasslu għal livelli differenti ta’ protezzjoni. It-tul ta’ żmien tal-protezzjoni jvarja skont il-marda. Xi vaċċini jistgħu jipproteġu biss kontra marda għal perjodu qasir u jista’ jkollhom bżonn dożi booster; għal oħrajn, l-immunità tista’ ddum tul ħajjithom kollha.
It-tilqim mhux biss jipproteġi lin-nies li rċevew vaċċin. Dan jipproteġi wkoll indirettament lill-persuni mhux imlaqqma fil-komunità, billi jnaqqas ir-riskju ta’ esponiment għall-infezzjoni. Din hija magħrufa bħala immunità komunitarja (imsejħa wkoll immunità kollettiva).
Komponenti
Minbarra antiġene wieħed jew aktar, jistgħu jiżdiedu wkoll komponenti oħrajn sabiex jgħinu jżommu l-vaċċin stabbli u effettiv. Ir-regolaturi jiżguraw li dawn il-komponenti kollha jkunu sikuri.
Dawn il-komponenti jinkludu:
- stabbilizzaturi: sabiex il-komponenti tal-vaċċin jinżammu stabbli;
- aġġuvanti: dawn itejbu r-reazzjoni immunitarja għall-vaċċin billi jagħmlu r-reazzjoni aktar b’saħħitha, aktar rapida u aktar sostnuta maż-żmien – eżempju tagħhom huwa l-aluminju;
- eċċipjenti: dawn huma ingredjenti inattivi, bħall-ilma, jew il-klorur tas-sodju (sodium chloride, melħ), kif ukoll il-preżervattivi jew l-istabbilizzaturi li jgħinu lill-vaċċin jibqa’ l-istess matul il-ħżin, u b’hekk jinżamm attiv.
F’xi vaċċini, jista’ jkun hemm ukoll traċċi ta’ ammonti ta’ sustanzi oħrajn użati fil-proċess tal-manifattura, bħall-ovalbumina (proteina li tinsab fil-bajd) jew in-neomiċina (antibijotiku). Jekk dawn is-sustanzi jistgħu jikkawżaw reazzjoni f’individwi sensittivi jew allerġiċi, il-preżenza tagħhom tiġi ddikjarata fl-informazzjoni mogħtija lill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa u lill-pazjenti.
Tipi ta’ vaċċini
Il-vaċċini approvati huma effettivi fil-prevenzjoni tal-mard, sintomi serji, u tnaqqis fit-trażmissjoni.
Skopri kif l-awtoritajiet fl-Ewropa jittestjaw biex jiżguraw li l-vaċċini jkunu sikuri u effettivi qabel ma jiġu approvati għall-użu.
Il-vaċċini kif jipproteġuna u kif iwaqqfu t-tixrid tal-marda? Skopri l-benefiċċji tagħhom għall-individwi u għall-komunità.
European Medicines Agency - Safety of COVID-19 vaccines