COVID-19
X’inhi l-COVID-19?
COVID-19 hija l-marda kkawżata mis- sindromu respiratorju akut sever coronavirus-2 (SARS-CoV-2).
Tifqigħa tal-COVID-19, li bdiet lejn l-aħħar tal-2019 u nfirxet mad-dinja kollha fil-bidu tal-2020, ikkawżat tfixkil soċjali u ekonomiku sever qabel ma d-Direttur Ġenerali tal-WHO fl-2023 iddetermina li l-COVID-19 ma kienx għadu emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali.
Mad-daqqa t’għajn
- Marda respiratorja kkawżata minn virus;
- Il-COVID-19 tinfirex faċilment mill-arja;
- Aktar minn 778 miljun każ u seba' miljun mewt madwar id-dinja mill-2020 ’l hawn;
- Tista’ tikkawża kumplikazzjonijiet serji fl-anzjani u f’persuni b’sistemi immunitarji dgħajfa;
- It-tilqim jipproteġi kontra sintomi severi tal-COVID-19.
X’inhuma s-sintomi tal-COVID-19?
Is-sintomi jinkludu:
- deni;
- sogħla;
- dgħufija jew għeja ġenerali;
- bidla jew telf tat-togħma jew tax-xamm;
- uġigħ fil-griżmejn;
- uġigħ ta’ ras;
- uġigħ fil-muskoli;
- dijarea.
Is-severità tal-marda tvarja ħafna minn persuna għal oħra.
Xi persuni huma asintomatiċi, li jfisser li m'għandhom ebda sintomu.
F’każijiet serji, is-sintomi jistgħu jinkludu
- diffikultà fit-teħid tan-nifs jew qtugħ ta’ nifs;
- konfużjoni;
- uġigħ fis-sider.
Persuni b’sintomi severi jista’ jkollhom bżonn kura medika speċjalizzata u appoġġ speċjalizzat.
Xi persuni b’sintomi severi tal-COVID-19 jista’ jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar għal din il-kura. Uħud mill-każijiet l-aktar severi jista’ jkollhom bżonn l kura intensiva, u b’mod partikolari, individwi anzjani jew dawk b’kundizzjonijiet sottostanti, jistgħu jmutu.
X’inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-COVID-19?
Persuni b’sintomi severi li jaffettwaw il-passaġġi tan-nifs jista’ jkollhom bżonn jitqiegħdu fuq respiratur (appoġġ mekkaniku għall-ventilazzjoni). Xi pazjenti bil-COVID-19 huma wkoll f’riskju ogħla ta’ kumplikazzjonijiet relatati mal-koagulazzjoni tad-demm, bħal attakki ta’ puplesija jew attakki tal-qalb.
Il-probabbiltà li jkollhom bżonn jidħlu l-isptar hija ogħla għall-adulti akbar fl-età u għal dawk b’mard fit-tul jew b’kundizzjonijiet sottostanti.
X’inhi l-kundizzjoni ta’ wara l-COVID-19 jew il-COVID fit-tul?
Numru żgħir ta’ pazjenti jistgħu jbatu minn effetti fit-tul mill-infezzjoni SARS-CoV-2. Din hija magħrufa bħala kundizzjoni ta’ wara l-COVID-19, jew “COVID-19 twila”.
Is-sintomi jinkludu:
- telf tax-xamm jew tat-togħma;
- għeja;
- dgħufija ġenerali;
- qtugħ ta’ nifs;
- indeboliment konjittiv.
M'hemm ebda test għad-dijanjożi tal-kundizzjoni ta’ wara l-COVID-19 u s-sintomi jistgħu jdumu ġimgħat, xhur, jew aktar. S'issa m’hemm ebda kura għal din il-kundizzjoni. Madankollu, l-evidenza tissuġġerixxi li l-individwi mlaqqma kontra l-COVID-19 aktarx ikollhom inqas sintomi tal-kundizzjoni ta’ wara l-COVID-19 x'jirrappurtaw.
Kif tinfirex il-COVID-19?
Il-virus SARS-CoV-2 jinfirex minn persuna għal oħra primarjament permezz ta’ partikoli rilaxxati fl-arja minn persuna b’infezzjoni (b’mod partikolari meta titkellem, tkanta, tgħajjat, tagħtas, tisgħol, eċċ.). Dawn il-partikoli mbagħad jistgħu jilħqu lil persuni oħrajn fil-qrib (normalment sa żewġ metri ’l bogħod), li jistgħu jeħduhom man-nifs.
It-trażmissjoni minn persuna b’infezzjoni għal oħra tista’ tibda jumejn qabel ma l-ewwel persuna tibda turi s-sintomi.
Normalment is-sintomi jdumu bejn ħamest ijiem sa sitt ijiem biex xi jibdew juru li xi ħadd ikun ġie infettat. Madankollu, dan jista’ jvarja bejn jum u ġimagħtejn.
Partikoli akbar (qtar) jistgħu wkoll jinżlu fuq l-uċuħ li persuni oħra jistgħu jmissu, u dan iwassal biex il-virus jmur fuq idejhom u dawn jieħdu l-infezzjoni meta jmissu għajnejhom, imneħirhom, jew ħalqhom. Madankollu, din ir-rotta ta’ trażmissjoni hija ħafna inqas komuni mit-trażmissjoni minn persuna għal oħra.
Min huwa f’riskju li taqbdu l-COVID-19?
Kulħadd huwa f’riskju li jieħu l-infezzjoni tal-COVID-19?
Madankollu, xi gruppi tal-popolazzjoni aktar għandhom ċans li jiżviluppaw mard serju. Dawn jinkludu persuni ta’ aktar minn 60 sena, nisa tqal, u dawk b’kundizzjonijiet tas-saħħa sottostanti, bħal:
- obeżità;
- pressjoni għolja tad-demm;
- dijabete;
- mard tal-qalb;
- mard fit-tul li jaffettwa l-pulmun u l-passaġġi tal-arja;
- kundizzjonijiet li jaffettwaw is-sistema nervuża;
- sistema immunitarja mdgħajfa.
Is-sintomi fl-adulti għandhom it-tendenza li jkunu iktar severi milli f'adulti żgħażagħ f'saħħithom u fit-tfal. Madankollu, dawk kollha li huma infettati xorta jistgħu jgħaddu l-virus lil oħrajn, u xi adulti aktar żgħażagħ u tfal iżgħar jistgħu jiżviluppaw ukoll mard serju.
Spazji ġewwa ffullati jipprovdu opportunitajiet għall-COVID-19 biex tinfirex malajr: eżempji ta’ postijiet fejn kien hemm tifqigħat sinifikanti huma l-ħabsijiet, iċ-ċentri tal-migranti u l-impjanti tal-ipproċessar tal-ikel.
Il-COVID-19 kif tista’ tiġi evitata?
L-aktar mod effettiv biex tiġi evitata l-COVID-19 huwa permezz tat-tilqim. Persuni li huma mlaqqma għandhom inqas ċans li jkollhom mard serju jew li jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar. Din hija r-raġuni għaliex l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika jħeġġu lill-individwi kollha f’riskju ta’ mard sever biex jieħdu l-vaċċin kontra l-COVID-19.
Il-ħasil tal-idejn ta’ spiss bis-sapun u bl-ilma jew bl-użu ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq l-alkoħol jgħin ukoll biex jiġi evitat it-trasferiment tal-virus mill-idejn għal ġol-ġisem mill-għajnejn, mill-imnieħer jew mill-ħalq.
Vaċċini awtorizzati għall-użu fl-Unjoni Ewropea
Diversi vaċċini huma awtorizzati għall-użu fl-UE. Lista tal-vaċċini awtorizzati kontra l-COVID-19 tista’ tinstab hawnhekk: Il-mediċini kontra l-COVID-19 | L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)
Kif jiġi ttrattat il-COVID-19?
Mediċini antivirali li jimmiraw direttament il-virus SARS-CoV-2 huma disponibbli. Dawn il-mediċini jintużaw biex jittrattaw infezzjoni bikrija f’persuni f’riskju għoli li jiżviluppaw mard sever, biex jiġi evitat li l-marda tmur għall-agħar.
Il-mediċini antivirali jistgħu jiffurmaw parti minn għażliet ta’ trattament ta’ appoġġ kliniku usa’ − eż. appoġġ bl-ossiġnu, li jingħata fid-diskrezzjoni tat-timijiet mediċi inkarigati mill-kura tal-individwu.
Għall-informazzjoni l-aktar reċenti dwar it-trattamenti tal-COVID-19, żur is-sit web tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA): Trattamenti u vaċċini għall-COVID-19 jew is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea: Trattamenti għall-COVID-19 (europa.eu)
Nota: Din l-iskeda informattiva hija maħsuba għal skopijiet ta’ informazzjoni ġenerali u m'għandhiex tintuża bħala sostitut għall-kompetenza individwali u għall-ġudizzju ta’ professjonista tal-kura tas-saħħa.