Virus tal-papilloma uman (HPV)

Skeda Informattiva

X’inhu l-HPV?

Il-virus tal-papilloma uman (HPV) huwa virus li jista’ jinfetta lill-bnedmin.

Hemm aktar minn 200 tip differenti ta’ HPV. Mill-inqas 12 minn dawn huma tipi ta’ riskju għoli li jistgħu jikkawżaw kanċer, bħal kanċer ċervikali (kanċer tal-għonq tal-ġuf). Il-kanċer ċervikali huwa r-raba’ kanċer l-aktar komuni f’nisa li għandhom bejn il-15-il sena u l-44 sena fl-Ewropa[1]. L-HPV jista' wkoll jikkawża felul genitali u anali.

Mad-daqqa t’għajn: L-HPV fl-Ewropa

  • Il-virus tal-papilloma uman (HPV) huwa virus komuni ħafna fl-UE, li jinxtered prinċipalment permezz ta’ kuntatt sesswali. 
  • Infezzjoni bl-HPV tista’ tikkawża felul u twassal għal kanċer f’xi persuni.
  • L-HPV huwa marbut ma’ madwar 60,000 każ ġdid ta’ kanċer kull sena fl-UE.
  • It-tilqim jipproteġi kontra l-mard relatat mal-HPV.
  • It-tilqim mifrux jista’ jevita l-parti l-kbira tal-kanċers ċervikali.

Sir af aktar dwar il-vaċċini kontra l-HPV f’pajjiżek.

symptoms smaller illustration

Liema mard jista' jikkawża l-HPV? 

Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-infezzjoni tal-HPV tfieq waħedha fi żmien sena jew sentejn mingħajr ma tikkawża sintomi.
 

F’xi persuni, l-HPV jista’ jibqa’ fil-ġisem għal aktar żmien.
L-HPV jista' jikkawża felul fl-erja ġenitali u madwar l-anus.


Meta l-HPV jibqa' fil-ġisem għal żmien itwal, jista' jikkawża bidliet fiċ-ċelloli tal-ġisem. Dawn jistgħu jwasslu għal diversi tipi ta' kanċer f'xi persuni, inkluż il-kanċer ċervikali, kif ukoll il-kanċers fil-vulva, fil-vaġina, fl-anus, fil-pene, fir-ras jew fl-għonq. L-HPV huwa marbut ma’ madwar 60,000 każ ġdid ta’ kanċer kull sena fl-UE [1].
 

couple illustration

Kif jinxtered l-HPV?

L-HPV jinxtered permezz ta' kuntatt mill-ġilda għall-ġilda fl-erja ġenitali. It-trażmissjoni hija l-aktar komuni matul is-sess vaġinali, is-sess bil-pene, is-sess anali jew is-sess orali.

Il-persuni bl-HPV jista’ ma jkollhom l-ebda sintomu; ta’ spiss ma jkunux konxji li jkollhom il-virus.

L-HPV huwa l-infezzjoni trażmessa sesswalment l-aktar komuni fid-dinja.

Min huwa f’riskju ta’ HPV?

Kull min hu sesswalment attiv huwa f’riskju li jiġi infettat bl-HPV. 

process of vaccination illustration

L-HPV, kif jista’ jiġi pprevenut? 

It-tilqim huwa l-mod l-aktar effettiv għall-prevenzjoni tal-HPV. Il-vaċċini disponibbli fl-Ewropa jipproteġu kontra t-tipi ta’ HPV responsabbli għall-maġġoranza tal-kanċers ċervikali, vaġinali, vulvari, tal-pene, anali u orofarinġali. Minn meta ġie introdott, it-tilqim kontra l-HPV wassal għal tnaqqis sinifikanti fl-infezzjonijiet u fil-mard assoċjati mal-HPV.

It-tilqim tat-tfal qabel ma x’aktarx jiltaqgħu mal-HPV huwa l-aħjar mod ta’ protezzjoni kontra l-infezzjoni u l-mard relatat mal-HPV aktar tard fil-ħajja. Iż-żgħażagħ jistgħu wkoll jiżviluppaw reazzjonijiet immunitarji aktar b'saħħithom wara t-tilqim minn persuni li huma aktar imdaħħla fl-età, u b'hekk ikollhom protezzjoni aħjar kontra l-infezzjoni.

It-tilqim kontra l-HPV isir b’mod regolari fit-tfal - normalment fl-età ta’ bejn id-9 snin u l-14-il sena - f’konformità mal-iskedi nazzjonali tat-tilqim.

L-użu tal-kondoms waqt is-sess inaqqas ir-riskju li jittieħed l-HPV. Madankollu, il-kondoms ma jistgħux jipprovdu protezzjoni sħiħa minħabba li l-virus xorta jista’ jinxtered permezz ta’ kuntatt mal-erja tal-ġilda madwar il-ġenitali li mhijiex protetta mill-kondoms.

Kif jiġi ttrattat l-HPV?

M’hemm l-ebda mediċina biex jitneħħa l-HPV innifsu.

It-trattamenti huma disponibbli għall-mard ikkawżat mill-HPV. Il-felul u t-tibdiliet fiċ-ċelloli fl-istadju ta’ qabel il-kanċer jistgħu jiġu trattati b'mediċini u b'kirurġija, inklużi proċeduri kirurġiċi żgħar bħall-iffriżar. Il-mediċini, l-intervent kirurġiku u trattamenti oħra huma wkoll disponibbli biex jittrattaw il-kanċers ikkawżati minn infezzjoni tal-HPV, jekk dawn jiżviluppaw.

Minħabba li l-kanċers relatati mal-HPV jistgħu jieħdu ħafna snin biex jiżviluppaw, l-iskrinjar jista’ jgħin biex jiġu ssorveljati l-bidliet fil-ġisem qabel ma dawn jiżviluppaw f’kanċer. It-tneħħija jew it-trattament ta’ dawn il-bidliet “fl-istadju ta’ qabel il-kanċer” tnaqqas/inaqqas ir-riskju li dawn jiżviluppaw f’kanċer aktar tard. F'ħafna pajjiżi, l-iskrinjar għall-kanċer ċervikali huwa disponibbli għan-nisa, skont ir-rakkomandazzjonijiet nazzjonali. L-iskrinjar għal kanċers oħra relatati mal-HPV f'persuni f'riskju huwa wkoll disponibbli f'ċerti reġjuni.

Jekk għandek bżonn parir dwar trattamenti jew għażliet ta' skrinjar, dejjem ikkonsulta lit-tabib tiegħek jew fornitur ieħor tal-kura tas-saħħa.

All the videos are available in 23 EU languages. Turn on subtitles in your language. 

--------------------------------------------------------------------

Referenza:

(1) Global Cancer Observatory: Cancer Today (version 1.1). Lyon, France: International Agency for Research on Cancer.

Nota: L-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva hija maħsuba għall-iskop ta’ informazzjoni ġenerali u ma għandhiex tintuża bħala sostitut tal-għarfien espert individwali u tal-ġudizzju ta’ professjonist fil-qasam tal-kura tas-saħħa.

Aktar skedi informattivi

Diphtheria thumbnail

Fatti ewlenin dwar id-difterite, is-sintomi, il-kumplikazzjonijiet, il-fatturi ta’ riskju, kif tinxtered, il-prevenzjoni u l-kura.

Hepatitis A

Fatti ewlenin dwar l-epatite A, is-sintomi, il-kumplikazzjonijiet, il-fatturi ta’ riskju, kif tinfirex, il-prevenzjoni u l-kura.

Page last updated