Enċefalite li tinġarr mill-qurdien (Tick-borne encephalitis, TBE)
X’inhi TBE?
L-enċefalite li tinġarr mill-qurdien (TBE) hija marda infettiva virali li taffettwa l-bniedem li tinvolvi s-sistema nervuża ċentrali u li sseħħ f’ħafna partijiet tal-Ewropa u tal-Asja. Il-virus jinxtered permezz ta’ gidma ta’ qurdien infettat, li spiss jinstab f’ambjenti mimlijin siġar. L-UE/iż-ŻEE tirrapporta medja ta’ aktar minn 3000 każ ta’ TBE kull sena.
Daqqa t'għajn lejn. It-TBE fl-Ewropa
- Marda serja li taffettwa s-sistema nervuża kkawżata minn virus
- It-TBE tinxtered permezz ta’ gdim minn qurdien infettat
- Tista’ tikkawża nefħa fil-moħħ, ħsara fil-moħħ permanenti u mewt
- Aktar minn 3,000 każ kull sena
- Il-biċċa l-kbira tal-każijiet iseħħu bejn Mejju u Novembru
- It-tilqim jista’ jipprevjeni t-TBE u l-kumplikazzjonijiet li tista’ tikkawża

X’inhuma s-sintomi tat-TBE?
Il-marda tat-TBE ħafna drabi jkollha żewġ fażijiet. L-ewwel fażi hija assoċjata ma’ sintomi bħal:
- deni
- għeja
- uġigħ ta’ ras
- uġigħ fil-muskoli
- dardir.
It-tieni fażi tinvolvi s-sistema newroloġika b’sintomi ta’ meninġite (infjammazzjoni tar-rita tal-moħħ u s-sinsla tad-dahar) u/jew enċefalite (infjammazzjoni tal-moħħ).
X’inhuma l-kumplikazzjonijiet tat-TBE?
It-TBE tista’ tikkawża infjammazzjoni tal-moħħ (enċefalite) u tar-rita tal-moħħ u s-sinsla tad-dahar (meninġite). Dan jista’ jirriżulta f’diversi kumplikazzjonijiet newroloġiċi bħal:
- diffikultajiet bil-memorja, il-konċentrazzjoni, u l-funzjoni tal-moħħ ġenerali
- dgħjufija fil-muskoli, tregħid, nuqqas ta’ koordinazzjoni, u movimenti involontarji
- sensazzjonijiet ta’ tnemnim u tingiż.
F’xi każijiet, individwi li kellhom it-TBE jibqgħu jħossu sintomi persistenti u effetti fit-tul. Dawn jinkludu:
- għeja kronika
- diffikultajiet fil-funzjoni tal-moħħ persistenti
- problemi fil-muskoli
- sintomi newroloġiċi oħrajn.

Kif tinxtered it-TBE?
It-TBE tinxtered primarjament permezz ta’ gidma ta’ qurdien infettat li jġorr il-virus tat-TBE. Il-virus jista’ jinġarr minn tipi differenti ta’ qurdien. Il-qurdien jiġi infettat bil-virus tat-TBE meta dan jiekol minn annimali infettati. Ladarba jkun infettat, il-qurdien jista’ jxerred il-virus lill-bnedmin wara li jkun weħel mal-ġilda. Il-virus jinxtered malajr ħafna, għalhekk il-qurdien għandu jitneħħa mill-aktar fis possibbli b'pinzetta.
Dan il-qurdien jinstab l-aktar f’żoni mimlijin siġar jew bil-ħaxix fejn jistgħu jiġu f’kuntatt man-nies. Huwa importanti li wieħed jinnota li t-TBE ma tistax tinxtered direttament minn persuna għal oħra.
Min huwa f’riskju li jimrad bit-TBE?
F’żoni fejn it-TBE hija komuni, persuni b’attivitajiet rikreattivi jew okkupazzjonali fil-beraħ bħall-kaċċa, is-sajd, il-kampeġġ, il-ġbir tal-faqqiegħ u l-frott artab, il-forestrija, l-isport ta’ orjentament, u l-biedja huma potenzjalment f’riskju ta’ infezzjoni permezz ta’ kuntatt ma’ qurdien infettat.
Hemm evidenza li n-nies li jikkunsmaw prodotti tal-ħalib mhux pasturizzat jistgħu wkoll ikunu f’riskju ta’ TBE, peress li kien hemm każijiet f’persuni li kkunsmaw ħalib mhux ipproċessat minn mogħoż li jgħixu f’żoni fejn il-virus tat-TBE huwa preżenti.

Kif tista’ tiġi evitata t-TBE?
It-tilqim huwa wieħed mill-aktar mezzi effettivi għall-prevenzjoni tat-TBE.
Barra minn hekk, ir-riskju li wieħed jiġi infettat mill-virus tat-TBE jista’ jitnaqqas billi jiġi evitat il-gdim tal-qurdien, b’modi differenti:
- bl-użu ta’ repellenti tal-qurdien
- ilbies ta’ ħwejjeġ bi kmiem twal u qliezet twal
- spezzjonar tal-ġisem għall-qurdien wara attivitajiet fuq barra u t-tneħħija tal-qurdien b’pinzetta mill-aktar fis possibbli
Kif jiġi ttrattat it-TBE?
Ma hemm l-ebda mod speċifiku kif jiġi ttrattat it-TBE. It-trattament jiddependi skont is-sintomi u l-effetti tal-virus fuq l-individwu. Jekk persuna tiżviluppa meninġite, enċefalite, jew meninġomjelite, hija tkun tirrikjedi kura fl-isptar u kura ta’ appoġġ eż. appoġġ għat-teħid tan-nifs, għall-idratazzjoni, jew għat-tnaqqis tan-nefħa fil-moħħ.
Nota: L-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva hija maħsuba għall-iskop ta’ informazzjoni ġenerali u m’għandhiex tintuża bħala sostitut għall-għarfien espert individwali u l-ġudizzju ta’ professjonist fil-qasam tal-kura tas-saħħa.