Difterite
X’inhi d-difterite?
Id-difterite hija marda serja kkawżata mill-batterja ta’ Corynebacterium diphtheriae (f’xi każijiet ukoll minn Corynebacterium ulcerans) li jikkonolizzaw il-membrani mukużi fil-griżmejn u fil-passaġġi tal-arja ta’ fuq u li jistgħu jipproduċu tossina li taffettwa organi oħra.
X’inhuma s-sintomi tad-difterite?
Il-persuni infettati bil-batterji tad-difterite jistgħu jiżviluppaw is-sintomi jew le, iżda jġorru l-batterji u jistgħu jinfettaw lill-oħrajn.
- Il-parti l-kbira tal-persuni bid-difterite jkollhom infezzjoni fl-apparat respiratorju, b’uġigħ fil-griżmejn u deni baxx fl-ewwel ftit jiem tal-marda. Każijiet ħfief tal-marda ma jiżviluppawx aktar sintomi.
- Jekk il-marda tkun aktar severa, tiżviluppa membrana densa. Il-membrana tista’ tkun lokalizzata—pereżempju, tkun biss fuq it-tunsilli jew fuq il-farinġi—jew tista' tkopri parti wiesgħa tal-apparat respiratorju tal-pazjent. Każijiet aktar severi jistgħu jiżviluppaw dehra minfuħa ta’ “għonq barri”.
-
Id-difterite tista’ tikkawża d-dehra ta’ leżjonijiet fuq il-ġilda li jiffurmaw ulċeri koperti f’membrana griża li ma jfiqux. Dawn huma aktar komuni fost persuni li huma foqra, persuni mingħajr djar jew persuni li jieħdu d-droga.
X’inhuma l-kumplikazzjonijiet għad-difterite?
Anke bit-trattament, madwar persuna minn kull 10 pazjenti b’difterite respiratorja tmut. Il-kawża l-aktar komuni tal-mewt minħabba d-difterite hija problemi fil-qalb. Id-difterite tista’ tikkawża wkoll ir-rilaxx tat-tossini fis-sistema ċirkolatorja u fit-tessut. Dan jista’ jikkawża ħsara estensiva fl-organi. Jistgħu jiżviluppaw ukoll kumplikazzjonijiet li jaffettwaw il-qalb u kumplikazzjonijiet newroloġiċi, bħall-paraliżi.
Kif tinfirex id-difterite?
Id-difterite tinfirex minn qtajriet mill-passaġġ respiratorju ta’ persuna infettata—b’mod partikolari permezz ta’ sogħla jew ta’ għatis. Jekk il-marda taffettwa l-ġilda, tista’ tinfirex permezz ta’ kuntatt ma’ ġrieħi jew leżjonijiet ta’ persuna infettata.
Il-persuni li ma ngħatawx trattament għad-difterite jistgħu jkunu infettivi għal massimu ta’ erba’ ġimgħat u l-persuni li jġorru l-batterja jistgħu jkunu infettivi aktar fit-tul, anke jekk ma jkollhomx sintomi.
Il-forma tal-marda li taffettwa l-ġilda tidher l-aktar fost persuni li huma dgħajfa, persuni mingħajr djar jew persuni li jieħdu d-droga. Il-fatturi ta’ riskju għall-infezzjoni jinkludu wkoll vjaġġar, kuntatt mill-qrib mal-frat, u t-teħid ta’ prodotti tal-ħalib mhux ipproċessati.
Min huwa f’riskju tad-difterite?
Persuni li mhumiex imlaqqma u li kellhom kuntatt mill-qrib ma’ xi ħadd infettat huma f’riskju ta’ infezzjoni tad-difterite.
Kif tista’ tiġi pprevenuta d-difterite?
Vaċċin effettiv kontra d-difterite huwa disponibbli u t-tilqim tal-massa naqqas drastikament l-għadd ta’ każijiet fl-Ewropa u globalment. It-tilqim kontra d-difterite huwa parti minn programmi ta’ immunizzazzjoni ta’ rutina, u l-vaċċin jingħata flimkien ma’ vaċċini kontra mard ieħor. Madankollu, l-għadd ta’ każijiet ta’ difterite jista’ jerġa’ jiżdied jekk il-kopertura tat-tilqim tonqos.
Kif tiġi ttrattata d-difterite?
Id-difterite tista’ tiġi ttrattata b’antitossina u b’antibijotiċi. Dawk li jgħixu flimkien ma’ xi ħadd bid-difterite jistgħu jingħataw kors preventiv ta’ antibijotiċi.