Tuberkulożi (TB)
X’inhi t-tuberkulożi (TB)?
It-tuberkulożi (TB) hija marda infettiva kkawżata minn diversi razez ta’ mycobacteria, li jappartjenu għall-grupp tal-kumpless tal-Mycobacterium tuberculosis. It-TB normalment taffettwa l-pulmun (tuberkulożi pulmonari) iżda tista’ taffettwa wkoll kwalunkwe parti tal-ġisem (tuberkulożi estrapulmonari) bħall-kliewi, is-sinsla, u l-moħħ.
Filwaqt li r-rati tat-TB qed jonqsu b’mod kostanti fl-UE/fiż-ŻEE, ir-reġjun għadu jirrapporta aktar minn 35 000 każ kull sena.
Mad-daqqa t’għajn: Tuberkulożi (TB) fl-Ewropa
- Marda batterika li taffettwa l-iktar il-pulmun.
- It-TB tinfirex minn persuna għal oħra permezz tal-arja.
- Tikkawża aktar minn 35 000 każ u 3 000 mewta kull sena
- Tista’ ddum xhur biex tirkupra mit-TB, u hemm riskju ta’ infezzjoni mill-ġdid
- It-tilqim jista’ jgħin biex jipprevjeni mard serju fit-tfal.
X’inhuma s-sintomi tat-TB?
Is-sintomi tat-tuberkulożi jvarjaw skont liema parti tal-ġisem tiġi affettwata. Fl-UE/Fiż-ŻEE, madwar 80% tal-każijiet ikollhom TB li taffettwa l-pulmun. F’dawn il-każijiet, is-sintomi tipiċi jinkludu:
- sogħla persistenti (għal aktar minn ġimagħtejn)
- deni
- għaraq billejl
- telf ta’ piż
Sintomi oħrajn jistgħu jidhru jekk it-TB taffettwa partijiet oħra tal-ġisem.
Il-batterji tat-TB jistgħu xi kultant jinfettaw persuna mingħajr ma jikkawżaw il-marda. F’dawn il-każijiet, meta persuna tkun infettata bit-TB, ma tiżviluppa l-ebda sintomu, ma tkunx marida u ma tkunx tista’ xxerred il-marda. Madankollu, il-preżenza tal-batterji tfisser li l-persuna tkun f’riskju li tiżviluppa l-marda u s-sintomi mingħajr trattament xieraq .
Jista jkun hemm kumplikazzjonijiet?
It-TB tista’ tikkawża ħsara permanenti fil-pulmun u dawk li jibqgħu ħajjin jistgħu jsofru minn għadd ta’ problemi persistenti ta’ saħħa respiratorja. It-TB rikorrenti lanqas mhija rari.
Jekk partijiet oħra tal-ġisem ikunu infettati, it-TB tista’ tikkawża ħsara permanenti lil dawk iż-żoni (bħal infertilità jew insuffiċjenza tal-kliewi).
It-TB tista’ tikkawża wkoll kumplikazzjonijiet severi li jistgħu jeħtieġu dħul l-isptar (bħal insuffiċjenza ta’ diversi organi u xokk settiku).
Kif tiġi trażmessa t-TB?
Il-batterji li jikkawżaw it-TB jinġarru fl-arja. Dan ifisser li meta persuna bit-TB pulmonari tisgħol, tagħtas jew titkellem, hija tittrażmetti l-batterji permezz tal-arja minn persuna għal oħra permezz tal-qtar żgħar li jiġu rilaxxati. Meta xi ħadd jieħu man-nifs il-batterji tat-TB, dawn ikunu jistgħu jaslu fil-pulmun u jibdew jinfirxu. It-tuberkulożi normalment mhix infettiva jekk taffettwa partijiet oħra tal-ġisem.
Persuni b’infezzjoni tat-TB iżda li mhumiex morda ma jistgħux jgħaddu l-marda lill-oħrajn.
Min huwa f’riskju?
Kulħadd jista’ jiġi infettat bit-TB, iżda ċerti persuni jinsabu f’aktar riskju li jiżviluppaw il-marda minn oħrajn. Dawn il-gruppi jinkludu:
- Dawk li jqattgħu ħafna ħin f’kuntatt mill-qrib ma’ xi ħadd li għandu t-TB
- Dawk imwielda fi jew li jgħixu f’żona fejn it-TB hija komuni
- Dawk b’sistema immunitarja mdgħajfa, bħal persuni bl-HIV, jew li qed jirċievu ċerti trattamenti mediċi li jaffettwaw is-sistema immunitarja
- Tfal taħt l-età ta’ 5 snin
- Nies li jgħixu f'kundizzjonijiet ta' affollament eċċessiv u f'postijiet b'iġjene ħażina. Dan jista’ jinkludi persuni mingħajr dar jew li qegħdin fil-ħabs.
Kif tista’ tiġi pprevenuta t-TB?
It-tilqim jista’ jgħin fil-protezzjoni kontra forom severi ta’ TB fi tfal żgħar. Lil hinn mit-tilqim, ir-riskju tat-TB jista’ jitnaqqas billi jittieħdu diversi prekawzjonijiet:
- ventilazzjoni tajba
- il-prattika ta’ iġjene tajba
- li wieħed jgħatti ħalqu u mnieħru meta jisgħol u jagħtas
- l-għoti ta’ trattament preventiv għat-TB lil persuni b’infezzjoni tat-TB li għadhom mhumiex morda.
Id-detezzjoni bikrija tat-TB pulmonari hija vitali biex tgħin fil-prevenzjoni tat-tixrid tal-marda.
Kif tiġi ttrattata t-TB?
It-trattament standard għat-TB huwa kombinazzjoni ta’ diversi antibijotiċi għal mill-inqas erba’ sa sitt xhur. It-trattament ta’ forom tat-TB li huma reżistenti għall-antibijotiċi tal-ewwel linja jista’ jeħtieġ kombinazzjoni differenti ta’ antibijotiċi għal perjodu itwal (6 sa 18-il xahar).
It-trattament tat-TB jista’ jikkawża effetti sekondarji li jeħtieġu monitoraġġ mill-qrib u ġestjoni mill-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa.