Il-ġidri r-riħ (variċella)
X’inhi l-ġidri r-riħ?
Il-ġidri r-riħ hija infezzjoni virali komuni ħafna, magħrufa wkoll bħala variċella. Ġeneralment tikkawża sintomi ħfief u hija l-aktar magħrufa li tikkawża raxx bil-ħakk f’għamla ta’ nfafet fuq il-ġilda. Din se taffettwa l-maġġoranza tat-tfal li ma jkunux tlaqqmu qabel ma jkollhom 10 snin. Wara l-irkupru mill-ġidri r-riħ, il-virus jibqa’ inattiv (mingħajr sintomi) fil-ġisem u spiss jista’ jikkawża ħruq ta’ Sant’ Antnin aktar tard fil-ħajja.
Xi pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE jinkludu vaċċin kontra l-ġidri r-riħ fl-iskedi nazzjonali tat-tilqim tagħhom.
Daqqa t'għajn lejn: Il-ġidri r-riħ fl-Ewropa
- Marda tal-ġilda kkawżata minn virus
- Il-ġidri r-riħ jinfirex mill-arja jew permezz ta’ wċuħ kontaminati
- Huwa stmat li kull sena jkun hemm miljuni ta’ każijiet fost it-tfal
- 90 % tal-każijiet tal-ġidri r-riħ fl-Ewropa jaffettwaw lit-tfal/lill-adolexxenti taħt il-15-il sena.
- Il-ġidri r-riħ jista’ jiġi evitat permezz ta’ tilqima.
X’inhuma s-sintomi tal-ġidri r-riħ?
Is-sintomi tal-infezzjoni tal-ġidri r-riħ huma jintgħarfu ħafna minħabba r-raxx li tikkawża. Is-sintomi kollha tal-ġilda jistgħu jkunu preżenti fl-istess ħin. Ġeneralment ma jkunx hemm raxx fuq il-pala tal-id u l-qiegħ tas-sieq. Ladarba jiġu infettati, il-persuni jiżviluppaw serje ta’ sintomi li jipproggressaw b’dan il-mod:
- Deni
- Għeja
- Uġigħ ta' ras
- Uġigħ fl-istonku
- Raxx tal-ġilda
- Nefħiet fuq il-ġilda mimlija bil-fluwidu
- Qxur ikkawżati minn meta jinfaqgħu l-infafet
- Ġilda bil-ponot
- Ponot żgħar bil-qoxra
- Ċikatriċi tal-ġilda.
X’inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-ġidri r-riħ?
Il-ġidri r-riħ huwa l-aktar komuni fost it-tfal u ġeneralment jitlaq waħdu. Madankollu, dan jista’ jikkawża sintomi u kumplikazzjonijiet aktar serji fl-adulti, b’mod partikolari fost nisa tqal u persuni b’sistemi immunitarji kompromessi. Il-kumplikazzjonijiet huma rari ħafna iżda jistgħu jinkludu:
- Infezzjoni batterika tal-ġilda jew tad-demm.
- Pulmonite (infezzjoni u infjammazzjoni tal-pulmuni)
- Problemi bil-koagulazzjoni
- Problemi tal-fwied
- Enċefalite (nefħa u infjammazzjoni tal-moħħ)
- Ċerebellite (sindromu infjammatorju li jikkawża disfunzjoni tal-moħħ)
Kif jittieħed il-ġidri r-riħ?
Il-virus li jikkawża l-ġidri r-riħ huwa kontaġġuż ħafna, b’96 % tal-persuni li mhumiex immuni permezz tat-tilqim jew infezzjoni preċedenti jiġu infettati wara l-esponiment. Il-ġidri r-riħ jittieħed permezz ta’ kuntatt fiżiku mal-persuna infettata jew it-teħid tan-nifs fl-arja qrib tagħha, jew permezz ta’ wċuħ li l-persuna infettata tkun misset.
Min huwa f’riskju tal-ġidri r-riħ?
Kulħadd jista’ jiżviluppa infezzjoni tal-ġidri r-riħ fi kwalunkwe età għalkemm din hija l-aktar komuni fost tfal mhux imlaqqma taħt l-età ta’ 10 snin.
Il-ġidri r-riħ joħloq riskju akbar għal nisa tqal peress li huma aktar probabbli li jiżviluppaw mard u kumplikazzjonijiet severi bħala riżultat tal-infezzjoni. Jista’ jżid ukoll ir-riskju ta’ korriment u jittieħed mit-tarbija tagħhom li għadha fil-ġuf – kundizzjoni magħrufa bħala “variċella konġenitali.” Il-variċella konġenitali hija rari iżda tista’ tikkawża diżabilitajiet severi fiżiċi u fit-tagħlim tul il-ħajja.
Kif jista’ jiġi pprevenut il-ġidri r-riħ?
It-tilqim huwa l-mod l-aktar effettiv għall-prevenzjoni tal-ġidri r-riħ. Il-vaċċin tal-ġidri r-riħ huwa parti mill-iskeda tat-tilqim fit-tfulija f’xi Stati Membri tal-UE/taż-ŻEE.
L-evitar ta’ kuntatt ma’ persuni li għandhom il-ġidri r-riħ jew il-ħruq ta’ Sant’Antnin (li huwa kkawżat mill-istess virus) jista’ jnaqqas ir-riskju li jittieħed il-virus. Il-persuni li jkollhom il-ġidri r-riħ diġà jistgħu jgħadduh lil ħaddieħor fil-jiem qabel ma jiżviluppaw ir-raxx tipiku, u dan jagħmel l-evitar ta’ persuni li jkunu morda aktar diffiċli.
Kif jiġi ttrattat il-ġidri r-riħ?
Peress li l-ġidri r-riħ normalment jitlaq waħdu, mhuwa meħtieġ l-ebda trattament speċifiku peress li n-nies jirkupraw waħedhom. Mediċini li jinxtraw mingħajr riċetta tat-tabib biex inaqqsu d-deni, jew ingwenti biex inaqqsu l-ħakk mir-raxx jistgħu jintużaw biex dak li jkun inaqqas mill-iskumdità. Huwa rrakkomandat li jiġi evitat il-grif fuq il-ġilda sabiex jiġu pprevenuti ċ-ċikatriċi.
Tfal/adolexxenti iżgħar minn 18-il sena qatt ma għandhom jingħataw aspirina meta jkollhom il-ġidri r-riħ peress li din tista’ tikkawża kundizzjoni perikoluża msejħa s-sindromu ta’ Reye.