Mpox
X’inhu l-mpox?
L-mpox hija marda rari kkawżata mill-virus tal-ġidri tax-xadini (MPXV). Hemm żewġ tipi ta’ MPXV: klad I u klad II, li min-naħa tagħhom jinqasmu f’subkladi Ia u Ib u subkladi IIa u IIb rispettivament.
X’inhuma s-sintomi tal-mpox?
L-aktar sintomu komuni tal-mpox huwa leżjonijiet fuq il-ġilda li jistgħu jidhru simili għall-ġidri r-riħ u infezzjonijiet oħrajn tal-poxvirus. Il-leżjonijiet tal-ġilda spiss jibdew bħala tikek li jikbru f’infafet mimlija bi fluwidu. Imbagħad jinxfu u jrabbu qoxra. Il-qoxra normalment tfieq kompletament.
Barra minn hekk, il-persuni bl-mpox spiss ikollhom aktar minn waħda minn dawn li ġejjin:
- raxx (madwar il-wiċċ, l-idejn, is-saqajn, il-ġenitali jew l-anus);
- deni;
- uġigħ ta’ ras;
- tertir ta’ bard;
- eżawriment;
- infjammazzjoni tan-nodi limfatiċi (“il-glandoli” ta’ taħt id-driegħ, fil-parti intima bejn is-saqajn jew fl-għonq);
- uġigħ fid-dahar u fil-muskoli;
- feriti ġol-ħalq jew fuq il-ġenitali.
Mad-daqqa t’għajn: L-mpox fl-Ewropa
- L-mpox hija infezzjoni li tikkawża nfafet fuq il-ġilda
- L-mpox hija kkawżata mill-MPXV (virus tal-ġidri tax-xadini)
- Tista’ tittieħed permezz ta’ kuntatt mill-qrib ma’ xi ħadd li għandu l-virus. Anke l-annimali jista’ jaqbadhom l-mpox u jistgħu jgħadduh lill-bniedem.
- Bejn l-2022 u l-2026 kien hemm aktar minn 26 000 każ ta' mpox fl-UE/EEA.
- It-tilqim jista’ jevita l-mpox u l-kumplikazzjonijiet tiegħu.
Hemm kumplikazzjonijiet potenzjali tal-mpox?
Il-biċċa l-kbira tan-nies li jaqbadhom l-mpox jirkupraw mingħajr kumplikazzjonijiet.
Persuni bl-mpox għandhom iżuru professjonist tas-saħħa għal kontroll mediku biex jevalwaw kemm hi severa l-infezzjoni. It-tabib jista' wkoll jiċċekkja għal kwalunkwe fatturi ta' riskju. Dawn jinkludu kundizzjonijiet sottostanti (inkluża infezzjoni tal-HIV mhux ittrattata) u mediċini li jaffettwaw is-sistema immunitarja tiegħek. Persuni b'sintomi severi jista’ jkollhom bżonn imorru l-isptar.
Kif jinxtered l-mpox?
L-mpox jinxtered prinċipalment permezz ta’ kuntatt fiżiku mill-qrib bejn il-persuni.
Il-kuntatt ma’ ħwejjeġ, friex, xugamani, oġġetti, u wċuħ oħra li setgħu ntmessu minn xi ħadd b’mpox jista’ jwassal ukoll għat-trażmissjoni tal-virus.
Fl-Ewropa, l-MPXV mhux komuni u nxtered l-aktar fost irġiel omosesswali, bisesswali u irġiel oħrajn li jkollhom relazzjonijiet sesswali mal-irġiel matul ir-relazzjoni sesswali u b’kuntatt mill-qrib ieħor bejniethom.
Fl-Afrika, l-MPXV jiċċirkola wkoll fost l-annimali bħal rodituri, u jista' jinxtered minn annimali infettati għall-bnedmin permezz ta' kuntatt dirett.
Min huwa f’riskju ta’ mpox?
Fl-2022, għall-ewwel darba, ġie rrappurtat għadd kbir ta' każijiet ta' mpox ikkawżati mill-klad II tal-MPXV f'ċerti pajjiżi fl-UE u madwar id-dinja. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-każijiet kienu fost irġiel omosesswali, bisesswali u rġiel oħra li jkollhom relazzjoni sesswali ma' rġiel. Mill-2022, ġew irrappurtati każijiet kull xahar fl-UE/fiż-ŻEE f’għadd ħafna aktar baxx.
F’Novembru 2023, varjant ġdid, subklad Ib tal-MPXV, ġie identifikat fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u nxtered għal bosta pajjiżi Afrikani oħra. Minn Ottubru 2025, ġew irrappurtati wkoll każijiet ta’ dan il-varjant ġdid f’għadd kbir ta’ pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE fost irġiel omosesswali, bisesswali u oħrajn li jkollhom relazzjoni sesswalment mal-irġiel.
Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-każijiet fl-2022 kienu fost din il-popolazzjoni, huwa importanti li wieħed jinnota li l-mpox jista' potenzjalment jaffettwa lil kulħadd li jkun f'kuntatt fiżiku mill-qrib ma' persuna infettata.
Persuni b’sistemi immunitarji mdgħajfa minħabba kundizzjonijiet mediċi sottostanti jew dawk li jieħdu ċerti mediċini jew li jinsabu taħt trattamenti mediċi bħall-kimoterapija jistgħu jkunu aktar suxxettibbli għall-mpox u l-kumplikazzjonijiet tiegħu.
L-mpox kif jista’ jiġi pprevenut?
Imvanex huwa vaċċin awtorizzat għall-protezzjoni kontra l-mpox.
L-mpox jista’ jiġi pprevenut ukoll billi jiġi evitat kuntatt fiżiku mill-qrib ma’ persuni bl-infezzjoni u tiġi pprattikata iġjene tajba, bħal ħasil tal-idejn ta’ spiss bis-sapun u bl-ilma.
Jekk taħseb li kont espost għall-mpox, evita kuntatt fiżiku mill-qrib ma' ħaddieħor u mur għand tabib jew professjonist mediku ieħor kemm jista' jkun malajr.
L-mpox kif jiġi ttrattat?
Attwalment, ma hemm l-ebda trattament approvat mill-UE għall-mpox. Hemm trattamenti disponibbli li jgħinu biex jittaffew sintomi bħal ħakk, uġigħ fil-muskoli u sintomi oħra tal-mpox. Xi drabi l-pazjenti jirċievu mediċini biex jipprevjenu l-infezzjoni tal-ġilda.
Nota: L-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva hija maħsuba għall-iskop ta’ informazzjoni ġenerali u ma għandhiex tintuża bħala sostitut tal-għarfien espert individwali u tal-ġudizzju ta’ professjonist fil-qasam tal-kura tas-saħħa.
Tgħallem aktar
Din l-infografika tispjega kif tipproteġi lilek innifsek kontra l-mpox.
It-tilqim jista’ jevita l-mpox u l-kumplikazzjonijiet tiegħu.
L-mpox hija infezzjoni virali li tikkawża infafet fil-ġilda, deni, uġigħ ta’ ras u wġigħ fil-muskoli. Tista’ taqbad dan il-virus permezz ta’ untatt mill-qrib u dirett (inkluż kuntatt sesswali) ma’ persuna infettata, iżda dan jista’ jiġi evitat permezz tat-tilqim.