Marda meningokokkali

Skeda Informattiva

X’inhi l-marda meningokokkali? 

Il-marda meningokokkali hija infezzjoni batterika serja kkawżata minn batterji tan-Neisseria meningitidis. Dan it-tip ta’ batterji jista’ jikkawża mard serju bħall-meninġite (infjammazzjoni tal-membrani madwar il-moħħ u l-korda spinali) u avvelenament tad-demm (settiċemija). Il-marda meningokokkali tista’ tavvanza malajr u tista’ ssir ta’ periklu għall-ħajja jekk ma tiġix ittrattata minnufih.

Fl-UE/Fiż-ŻEE, bħala medja jiġu rrapportati madwar 2,000 każ kull sena. Minn dawn, il-marda hija fatali f’madwar 10 % tal-każijiet. 

Mad-daqqa t’għajn: Il-marda meningokokkali fl-Ewropa

  • Infezzjoni batterika serja li hija kawża ewlenija tal-meninġite u tal-avvelenament tad-demm
  • Il-batterji meningokokkali jinfirxu permezz ta’ sekrezzjonijiet respiratorji u fil-griżmejn matul kuntatt mill-qrib ma’ xi ħadd bil-marda
  • Aktar minn 2,000 każ u madwar 10 imwiet kull sena
  • It-tilqim jista’ jipprevjeni l-marda meningokokkali u l-kumplikazzjonijiet tagħha

Sir af aktar dwar il-vaċċini meningokokkali f’pajjiżek.

A woman reacts to light

X’inhuma s-sintomi tal-marda meningokokkali? 

Is-sintomi tal-marda meningokokkali jistgħu jvarjaw, iżda ħafna drabi jinkludu:

  • deni
  • uġigħ ta’ ras sever
  • ebusija tal-għonq   
  • tqalligħ u rimettar
  • sensittività għad-dawl
  • konfużjoni jew stat mentali mibdul
  • raxx (raxx aħmar jew vjola li ma jiċċarax meta jiġi ppressat)
  • teħid tan-nifs b’mod rapidu
  • idejn u saqajn kesħin

Huwa importanti li wieħed ikun jaf li mhux l-individwi kollha bil-marda meningokokkali jkollhom dawn is-sintomi kollha. 
 

person coughing on someone else

X’inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-marda meningokokkali? 

F’xi każijiet, il-marda meningokokkali tista’ twassal għall-mewt, kif ukoll għal kumplikazzjonijiet serji bħal:

  • xokk settiku 
  • insuffiċjenza tal-kliewi
  • ħsara fil-moħħ
  • telf ta’ smigħ
  • diżabilitajiet fl-apprendiment

Kif tinfirex il-marda? 

Il-marda meningokokkali tinfirex permezz ta’ sekrezzjonijiet respiratorji u fil-griżmejn matul kuntatt mill-qrib u fit-tul (bħal sogħla, għatis u bews) ma’ xi ħadd li għandu l-marda. Il-batterji jistgħu wkoll jgħixu fil-griżmejn u fl-imnieħer ta’ xi individwi li ma jurux sintomi, u dan jagħmilhom ġarriera li jistgħu potenzjalment jittrażmettu l-batterji lil oħrajn.

Min huwa f’riskju li taqbdu l-marda meningokokkali? 

Filwaqt li l-marda meningokokkali tista’ taqbad lil kulħadd, ċerti gruppi jinsabu f’riskju ogħla, inklużi:

  • trabi u tfal żgħar
  • adolexxenti u adulti żgħażagħ
  • persuni li jgħixu qrib ħafna ta’ xi ħadd li għandu l-marda
  • individwi b’ċerti kundizzjonijiet mediċi li jdgħajfu s-sistema immunitarja
  • vjaġġaturi lejn żoni b’rati għoljin tal-marda meningokokkali
Teenager getting vaccinated

Il-marda meningokokkali kif tista’ tiġi pprevenuta? 

Fl-UE, hemm diversi vaċċini awtorizzati sabiex jintużaw biex jipproteġu kontra xi tipi (serogruppi) tal-batterji meningokokkali. It-tilqim huwa rrakkomandat prinċipalment għat-trabi u għall-adolexxenti fl-UE/fiż-ŻEE bi programmi differenti ta’ tilqim fis-seħħ. Persuni ta’ kwalunkwe età jistgħu jiġu rrakkomandati li jitlaqqmu. Rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar il-vaċċini jistgħu jiġu implimentati għal persuni f’ċerti gruppi ta’ riskju għoli.  

Kif tiġi trattata l-marda meningokokkali? 

Il-marda meningokokkali hija emerġenza medika, u trattament immedjat huwa essenzjali. Jintużaw antibijotiċi biex tiġi trattata l-infezzjoni. Attenzjoni medika f’waqtha tista’ ttejjeb b’mod sinifikanti l-possibbiltajiet ta’ eżitu pożittiv u tnaqqas ir-riskju ta’ kumplikazzjonijiet.