Ir-rubella
X’inhi r-rubella?
Ir-Rubella (il-ħosba Ġermaniża) hija infezzjoni virali. F’individwi b'saħħithom din normalment tkun marda ħafifa. Madankollu, jekk mara taqbadha r-rubella matul l-ewwel tliet xhur tat-tqala, x'aktarx li tirriżulta f’korriment jew f’tarbija li titwieled b’disturbi konġenitali magħrufa bħala sindrome tar-rubella konġenitali (CRS). Is-CRS tista’ twassal għal truxija, katarretti u diżabilitajiet fit-tagħlim fit-tarbija.
Daqqa t'għajn lejn: Ir-rubella fl-Ewropa
- Marda tal-ġilda kkawżata minn virus
- Ir-rubella tinfirex mill-arja
- Jekk mara tiġi infettata fi żmien tliet xhur minn meta toħroġ tqila, dan jista’ jikkawża konsegwenzi tul il-ħajja għall-fetu jew korriment
- Madwar 100 każ fis-sena
- It-tilqim jipprevjeni r-rubella u l-kumplikazzjonijiet li tikkawża
X’inhuma s-sintomi tar-rubella?
Sa 50 % tal-persuni infettati bir-rubella ma jesperjenzawx sintomi. Meta s-sintomi jidhru, dawn jikludu:
- raxx aħmar;
- għoqiedi limfatiċi minfuħa madwar il-widnejn u f’wara tar-ras;
- uġigħ u infjammazzjoni tal-ġogi fl-adulti.
X’inhuma l-kumplikazzjonijiet tar-rubella?
Il-konsegwenzi għan-nisa tqal li mhumiex imlaqqma li taqbadhom ir-rubella huma partikolarment severi, probabbli minħabba l-fatt li l-marda waqt it-tqala tista’ twassal għal korriment jew CRS fit-trabi tagħhom.
Kif tinfirex ir-rubella?
Il-virus tar-rubella jinfirex minn taqtiriet fl-arja li jiġu prodotti meta l-persuna infettata tisgħol u tagħtas.
Min qiegħed f’riskju li taqbdu r-rubella?
Kull min għadha ma qabditux il-marda jew min ma kienx imlaqqam bil-vaċċin MMR qiegħed f’riskju li taqbdu r-rubella.
Kif tista’ tiġi pprevenuta r-rubella?
L-unika protezzjoni kontra r-rubella hija t-tilqim. Il-vaċċin MMR (il-ħosba, il-gattone u r-rubella) huwa vaċċin ikkombinat li jipproteġi kontra l-ħosba, il-gattone u r-rubella. Il-vaċċin MMR huwa sikur u effikaċi u ma tantx għandu effetti sekondarji. Ġew irrapportati reazzjonijiet ħfief bħal deni, ħmurija jew nefħa fuq is-sit tal-injezzjoni. Xi reċipjenti tal-vaċċin jiżviluppaw raxx ħafif mhux infettiv li jixbah lill-ħosba, tipikament bejn sebat ijiem u 14-il jum wara t-tilqima, li jisparixxi bejn jum u tlett ijiem wara.
Għall-protezzjoni massima huma meħtieġa żewġ dożi tal-vaċċin. Fil-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej l-ewwel doża tingħata meta t-tarbija jkollha bejn 10 xhur u 18-il xahar. It-tieni doża tista’ tingħata xahar jew aktar wara l-ewwel doża, f’konformità mal-iskeda ta’ tilqim nazzjonali.
In-nisa li beħsiebhom joħorġu tqal għandhom jivverifikaw l-istatus ta’ tilqim tagħhom, peress li ma jistgħux jitlaqqmu kontra r-rubella matul it-tqala.
Kif tiġi kkurata r-rubella?
Ma teżisti l-ebda kura speċifika għar-rubella. Il-kura għandha l-għan li ttaffi s-sintomi.
Għal aktar informazzjoni ara s-sit web tal-ECDC: https://www.ecdc.europa.eu/en/rubella/factsheet (EN)
Nota: L-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva hija maħsuba għall-iskop ta’ informazzjoni ġenerali u ma għandhiex tintuża bħala sostitut tal-għarfien espert individwali u tal-ġudizzju ta’ professjonist fil-kura medika.
Aktar skedi informattivi
Difterite
Fatti ewlenin dwar id-difterite, is-sintomi, il-kumplikazzjonijiet, il-fatturi ta’ riskju, kif tinxtered, il-prevenzjoni u l-kura.
Enċefalite li tinġarr mill-qurdien (Tick-borne encephalitis, TBE)
Fatti ewlenin dwar l-enċefalite li tinġarr mill-qurdien, is-sintomi, il-kumplikazzjonijiet, il-fatturi ta’ riskju, kif tinxtered, il-prevenzjoni u t-trattament.
Epatite A
Fatti ewlenin dwar l-epatite A, is-sintomi, il-kumplikazzjonijiet, il-fatturi ta’ riskju, kif tinfirex, il-prevenzjoni u l-kura.