Ir-Rotavirus
X’inhu r-rotavirus?
Ir-rotaviruses huma grupp ta’ viruses li jistgħu jikkawżaw infezzjoni tas-sistema diġestiva. L-infezzjonijiet jaffettwaw l-aktar lit-tfal żgħar u lit-trabi. Jistgħu jikkawżaw firxa ta’ sintomi minn ħfief sa moderati, iżda wkoll dijarea u rimettar severi.
L-infezzjoni tar-rotavirus hija l-kawża l-aktar komuni ta’ mard tad-dijarea sever fit-trabi u fit-tfal żgħar madwar id-dinja.
Mad-daqqa t’għajn
- L-infezzjoni tar-rotavirus hija l-kawża l-aktar komuni ta’ dijarea severa fit-trabi u fit-tfal żgħar madwar id-dinja.
- Sa l-età ta’ 5 snin, il-biċċa l-kbira tat-tfal ikunu ġew infettati bir-rotavirus mill-inqas darba.
- Kull sena fl-UE/fiż-ŻEE, ir-rotavirus huwa responsabbli għal:
- Sa 150 000 tifel u tifla taħt il-ħames snin li jiddaħħlu l-isptar.
- Sa 600 000 tifel u tifla li jkollhom bżonn iżuru tabib.
- L-infezzjoni tar-rotavirus tista’ tiġi evitata permezz tat-tilqim.
- Tip(i) ta’ vaċċin: ħaj attenwat
X’inhuma s-sintomi tar-rotavirus?
Is-sintomi ta’ infezzjoni tar-rotavirus huma simili ħafna għal infezzjonijiet gastrointestinali oħra. L-aktar komuni huma:
- Dijarea
- Dardir u rimettar
- Deni
- Uġigħ ta’ żaqq
- Telf/nuqqas ta’ aptit
- Għeja
X’inhuma l-kumplikazzjonijiet ta’ infezzjoni tar-rotavirus?
Minħabba d-dijarea u r-rimettar, in-nies - b’mod partikolari t-trabi - jistgħu jiġu deidratati b’mod sever. Din hija kumplikazzjoni potenzjalment serja li, jekk ma tiġix ittrattata, tista’ tkun ta’ periklu għall-ħajja. Is-sintomi tad-deidratazzjoni jinkludu:
- Nuqqas fil-frekwenza li wieħed jgħaddi l-awrinaUrinazzjoni
- Ġilda li tinħass kiesħa u xotta
- L-ebda jew ftit wisq dmugħ waqt il-biki
- Letarġija
- Għajnejn mixrubin
- Ħalq xott
- Sturdament
Kif jinfirex ir-rotavirus?
Ir-rotaviruses jittieħdu ħafna u jinfirxu faċilment permezz ta’ kontaminazzjoni minn kuntatt mill-idejn għall-ħalq. Dawn jinfirxu permezz ta’ kuntatt ma’ partiċelli ta’ feċi minn persuna infettata. Pereżempju, jekk tifel/tifla jew adult li jkunu ġew infettati jużaw it-tojlit imbagħad imissu manku tal-bieb jew ġugarell mingħajr ma jaħslu jdejhom kif suppost, jistgħu jħallu materjal infettiv fuq uċuħ ibsin li xi ħadd ieħor jista’ jiġi f’kuntatt magħhom. Jekk dik il-persuna mbagħad tmiss l-ikel jew ħalqha tista’ tiġi infettata. Il-virus jista’ jibqa’ ħaj għal sigħat sħaħ fuq uċuħ ibsin.
Min jinsab f’riskju ta’ infezzjoni tar-rotavirus?
Ir-rotavirus jista’ jinfetta lil kulħadd fi kwalunkwe età, iżda l-infezzjoni hija l-aktar komuni fit-trabi u fit-tfal żgħar – li għalihom il-marda tista’ tkun aktar severa – u fl-adulti li jieħdu ħsiebhom. Il-biċċa l-kbira tat-tfal jiġu infettati bir-rotavirus mill-inqas darba sakemm jagħlqu l-ħames snin.
Kif tista’ tiġi evitata l-infezzjoni tar-rotavirus?
It-tilqim jista’ jnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni bir-rotavirus u jnaqqas is-severità tal-marda jekk persuna tiġi infettata. Il-vaċċin kontra r-rotavirus huwa parti mill-iskeda ta’ tilqim ta’ rutina f’diversi pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE.
Lil hinn mit-tilqim, il-ħasil bir-reqqa tal-idejn u d-diżinfezzjoni tal-uċuħ f’ambjenti ta’ riskju għoli bħaċ-childcare centres jgħinu fil-prevenzjoni tal-infezzjoni.
Kif tiġi trattata l-infezzjoni tar-rotavirus?
M’hemm l-ebda mediċina antivirali speċifika għat-trattament ta’ infezzjonijiet tar-rotavirus. Dawn għandhom jgħaddu waħedhom wara madwar ġimgħa. It-trattament jikkonsisti fl-indirizzar tas-sintomi tal-marda, eż. l-għoti ta’ fluwidi u, wara parir mediku, medikazzjoni biex jitwaqqfu r-rimettar u d-dijarea. Huwa importanti li jiġi żgurat li t-tfal li huma infettati jibqgħu idratati biex jiġu evitati kumplikazzjonijiet, li jistgħu jeħtieġu rikoveru fl-isptar.