Il-gattone
X’inhu l-gattone?
Il-gattone huwa infezzjoni virali l-aktar magħrufa li tikkawża nefħa bl-uġigħ tal-glandoli salivarji fuq in-naħa tal-wiċċ u taħt il-widnejn.
Il-vaċċin tal-gattone ilu parti mill-iskedi ta’ rutina tat-tilqim fit-tfulija f’ħafna pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE sa mit-tmeninijiet u issa jinsab fil-pajjiżi kollha tal-UE/taż-ŻEE llum, u dan wassal għal tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta’ każijiet irrappurtati.
At a glance
- An infection caused by a virus that causes painful swelling of the salivary glands around the face.
- Around 10 000 cases every year
- Vaccination can prevent mumps and the complications it can cause
X’inhuma s-sintomi tal-gattone?
L-aktar sintomu rikonoxxibbli tal-gattone huwa nefħa bl-uġigħ tal-glandoli “parotid” fuq in-naħa tal-wiċċ, taħt il-widnejn. Dan jista’ jaffettwa biss naħa waħda jew iż-żewġ naħat tal-wiċċ. Il-gattone jista’ jikkawża wkoll:
- Deni
- Uġigħ ta' ras
- Uġigħ fil-ġogi
- Nuqqas ta’ aptit
Dawn is-sintomi spiss jiġu l-ewwel u n-nefħa tidher aktar tard. Għalkemm is-sintomi tal-gattone huma ġeneralment ħfief, għandu ħafna sintomi li huma komuni ma’ infezzjonijiet aktar serji.
X’inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-gattone?
F’każijiet rari, il-gattone jista’ jikkawża kumplikazzjonijiet potenzjalment ta’ periklu għall-ħajja jew ħsara dejjiema bħal:
- Meninġite (infjammazzjoni tal-membrana ta’ madwar il-moħħ u l-korda spinali)
- Enċefalite (infjammazzjoni tal-moħħ)
- Subfertilità (diffikultà fil-konċepiment)
- Nuqqas ta’ smigħ f’widna waħda jew fiż-żewġ widnejn
- Pankreatite akuta (infjammazzjoni tal-glandola li tgħin lill-ġisem jiddiġerixxi l-ikel u jirregola z-zokkor fid-demm)
Il-gattone huwa assoċjat wkoll ma’ riskju miżjud ta’ korriment jekk persuna tqila tikkuntratta l-virus matul l-ewwel tliet xhur ta’ tqala.
Kif jittieħed il-gattone?
Il-gattone huwa kkawżat minn virus. Dan jittieħed minn qtajriet żgħar ta’ fluwidu li persuna infettata tirrilaxxa meta tisgħol, tagħtas jew titkellem. Dawn il-qtajriet jistgħu joqogħdu fuq l-uċuħ bħall-pumijiet tal-bibien.
Persuni infettati bil-virus tal-gattone x’aktarx li jgħadduh lill-ħaddieħor qabel ma jiżviluppaw is-sintomi. Dan jagħmilha diffiċli li jiġu evitati l-persuni infettivi.
Min huwa f’riskju tal-gattone?
Kulħadd jista’ jiġi infettat bil-gattone fi kwalunkwe età.
Għalkemm il-maġġoranza tal-persuni fl-Ewropa huma mlaqqma, xi drabi t-tifqigħat tal-gattone jseħħu f’postijiet fejn in-nies ikunu f’kuntatt mill-qrib bħall-iskejjel u l-universitajiet. Rati għoljin ta’ tilqim ifissru li dawn it-tifqigħat huma iżgħar milli kieku kienu jkunu mingħajr tilqim. Barra minn hekk, dawn ma jdumux fit-tul u ma jinxterdux daqskemm kienu jinxterdu kieku r-rati tat-tilqim kienu aktar baxxi. Il-gattone jibqa’ l-aktar komuni fost il-persuni li mhumiex imlaqqma jew li mhumiex imlaqqma għalkollox.
Kif jista’ jiġi pprevenut il-gattone?
It-tilqim huwa l-mezz l-aktar effettiv għall-prevenzjoni tal-gattone.
Il-vaċċin tal-gattone huwa parti mill-iskeda tat-tilqim fit-tfulija fil-pajjiżi kollha tal-UE/taż-ŻEE. B’riżultat ta’ dan, il-maġġoranza tal-Ewropej huma protetti kontra l-gattone.
Persuni bil-gattone jistgħu jgħinu biex inaqqsu t-tixrid tiegħu billi:
- Iżommu iġjene adegwata tal-idejn
- Jevitaw il-kuntatt ma’ persuni oħra mill-inqas matul l-ewwel ġimgħa tas-sintomi
Biex jgħinu jillimitaw it-tixrid tal-virus tal-gattone, it-tobba xi drabi jitolbu lill-persuni li għandhom il-gattone biex jiżolaw ruħhom sakemm is-sintomi tagħhom ikunu għaddew.
Kif jiġi ttrattat il-gattone?
Il-gattone normalment jitlaq waħdu fi żmien ġimagħtejn.
It-trattament normalment ikun meħtieġ biss f’każijiet serji, biex itaffi s-sintomi u biex jittratta kwalunkwe kumplikazzjoni.