Epatite B
X’inhi l-epatite B?
L-epatite B hija infezzjoni tal-fwied ikkawżata mill-virus tal-epatite B, li tinfirex permezz ta’ kuntatt ma’ fluwidi infettati tal-ġisem.
Il-parti l-kbira tal-infezzjonijiet iseħħu permezz ta’ kuntatt ma’ demm infettat, iżda s-semen, il-bżieq u l-fluwidi vaġinali jistgħu jkunu infettivi wkoll.
Wara infezzjoni bl-epatite B akuta, jew fuq medda qasira ta’ żmien, ċerti persuni jiżviluppaw infezzjoni kronika, jew fuq medda twila ta’ żmien.
Daqqa t'għajn lejn. L-epatite B fl-Ewropa
- Infezzjoni tal-fwied ikkawżata minn virus
- L-epatite B tinfirex permezz ta’ fluwidi tal-ġisem infettati.
- Madwar 25,000 każ innotifikati kull sena
- L-epatite B u Ċ huma responsabbli għal madwar 55 % tal-imwiet mill-kanċer tal-fwied fl-Ewropa
- Madwar 3.6 miljun persuna fl-UE/fiż-ŻEE għandhom infezzjonijiet kroniċi tal-epatite B, li jżidu r-riskju tagħhom ta’ kanċer tal-fwied.
- It-tilqim jista’ jipprevjeni l-epatite B u l-kumplikazzjonijiet tagħha
X’inhuma s-sinjali u s-sintomi tal-epatite B?
Bosta individwi ma jkollhom l-ebda sinjal jew sintomu assoċjat ma’ infezzjoni fuq medda qasira ta’ żmien, iżda dawk li jkollhom jistgħu jesperjenzaw dawn li ġejjin:
- suffejra (sfura tal-ġilda jew tal-abjad tal-għajn)
- awrina skura
- għeja
- telf ta’ aptit
- skumdità addominali
- nawżja
- remettar
- deni
X’inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-epatite B?
Ċerti persuni jistgħu jiżviluppaw infezzjoni kronika, jew fuq medda twila ta’ żmien. Aktar ma persuna tkun żgħira fl-età meta tkun infettata, aktar ikollha riskju li tiżviluppa infezzjoni kronika tal-epatite B. Pereżempju, sa 90 % tat-trabi infettati bil-virus jistgħu jiżviluppaw infezzjonijiet kroniċi, filwaqt li inqas minn 5 % tal-adulti infettati jiżviluppaw infezzjonijiet kroniċi.
Persuni b’infezzjoni kronika jkunu f’riskju ogħla ta’ aktar kumplikazzjonijiet, inkluż ċirrożi (tbajja tal-fwied) u kanċer tal-fwied (karċinoma epatoċellulari).
Kif tinfirex l-epatite B?
L-epatite B tinfirex permezz ta’ kuntatt ma’ fluwidi kontaminati tal-ġisem, bħad-demm, jew matul kuntatt sesswali. Fl-UE/Fiż-ŻEE, l-aktar komuni ta’ trażmissjoni tal-virus huwa permezz ta’trażmissjoni sesswali.
Inqas komuni, it-trażmissjoni xi kultant isseħħ f’ambjenti tal-kura tas-saħħa minħabba l-isterilizzazzjoni inadegwata ta’ tagħmir mediku, jew l-użu mill-ġdid ta’ siringi u labar. It-trażmissjoni permezz ta’ trasfużjonijiet tad-demm jew tal-prodotti tad-demm hija issa rari fl-Ewropa minħabba programmi effettivi tas-sikurezza tad-demm.
Il-virus jista’ jiġi trażmess ukoll matul il-ħlas. Dan huwa rari fl-Ewropa bis-saħħa ta’ programmi ta’ ttestjar matul it-tqala (skrinjar ta’ qabel it-twelid) u tilqim mat-twelid meta l-omm tittestja pożittiv għall-virus. Madankollu, it-trażmissjoni ta’ omm infettata lit-tarbija tagħha matul it-tqala jew it-twelid (trażmissjoni vertikali) tibqa’ waħda mill-modi ta’ trażmissjoni l-aktar komuni fuq livell dinji.
Il-virus jista’ xi drabi jiġi trażmess ukoll permezz tal-kondiviżjoni ta’ oġġetti li jkunu ġew ikkontaminati bi fluwidi infettati tal-ġisem. Oġġetti li jaqtgħu l-ġilda jew il-membrani mukużi, bħal xfafar u xkupilji tas-snien, jistgħu jirriżultaw f’esponiment għal demm infettat.
Min huwa f’riskju li taqbdu l-epatite B?
Għalkemm l-epatite B tista’ taqbad lil kulħadd, il-gruppi li ġejjin huma fl-akbar riskju:
- kuntatti sesswali ta’ persuni bl-epatite B
- persuni li jinjettaw id-drogi jew jikkondividu labar, siringi, u tipi oħra ta’ tagħmir tad-droga
- trabi mwielda minn ommijiet b’epatite B
- persuni li jgħixu ma’ xi ħadd li għandu l-epatite B
- ċerti gruppi ta’ pazjenti bħad-dijabetiċi jew il-persuni fuq dijaliżi
- ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa esposti għad-demm
Kif tista’ tiġi evitata l-epatite B?
It-tilqim kontra l-epatite B huwa l-forma l-aktar effettiva ta’ prevenzjoni kontra l-infezzjoni. Il-vaċċini sikuri u effettivi joffru livelli għolja ta’ protezzjoni u l-parti l-kbira tal-pajjiżi fl-Ewropa implimentaw programmi universali ta’ tilqim tat-tfal kontra l-epatite B.
Din tista’ tiġi evitata wkoll permezz ta’
- prattiki sikuri ta’ injezzjoni
- prattiki sesswali aktar sikuri
- strateġiji komprensivi għas-sikurezza tad-demm
- kontroll robust tal-infezzjoni f’ambjenti ta’ kura tas-saħħa
Kif tiġi ttrattata l-epatite B?
Il-parti l-kbira tal-pazjenti ma jirċevux trattament antivirali speċifiku għall-epatite B akuta u jingħataw kura ta’ appoġġ abbażi tas-sintomi tagħhom.
L-infezzjoni tal-epatite B kronika tista’ tiġi ttrattata permezz ta’ mediċini antivirali. It-trattament ma jikkurax lil persuna mill-infezzjoni, iżda jista’ jnaqqas jew iwaqqaf il-progressjoni taċ-ċirrożi, inaqqas il-probabbiltà tal-kanċer tal-fwied, u jtejjeb is-sopravivenza fuq medda twila ta’ żmien.
Nota: L-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva hija maħsuba għall-iskop ta’ informazzjoni ġenerali u ma għandhiex tintuża bħala sostitut tal-għarfien espert individwali u għall-ġudizzju ta’ professjonist fil-qasam tal-kura tas-saħħa.