Id-deni Dengue

Skeda Informattiva

X’inhu d-deni dengue?

Id-deni dengue huwa infezzjoni virali li tinxtered lill-bnedmin permezz ta’ gdim minn nemus infettat. Il-marda hija l-aktar komuni fl-Amerka t’Isfel u fl-Asja tax-Xlokk, iżda hija preżenti wkoll fl-Afrika. Id-deni dengue jista’ jikkawża kumplikazzjonijiet severi li xi kultant anke jkunu ta’ theddida għall-ħajja. 

Id-deni dengue huwa rari fl-UE/fiż-ŻEE iżda xi drabi naraw tifqigħat fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Il-persuni li jivvjaġġaw lejn żoni fejn il-marda hija komuni huma fl-akbar riskju ta’ infezzjoni. Fid-dinja kollha, il-virus dengue jinfetta miljuni ta’ nies kull sena, u jikkawża l-mewt ta' bejn 20 000 u 25 000 persuna. 

Mad-daqqa t’għajn:

  • Fost il-mard li jittieħed min-nemus, id-deni dengue huwa wieħed mill-aktar mifrux fid-dinja. Filwaqt li l-aktar li jinstab huwa f’partijiet tropikali u subtropikali tad-dinja, dan jinfetta għexieren ta’ miljuni ta’ persuni kull sena, u jikkawża l-mewt ta’ bejn 20 000 u 25 000 persuna.
  • Għalkemm mhux komuni fl-UE/fiż-ŻEE, kull sena jiġu rreġistrati madwar 2,000 każ, li kważi kollha huma relatati mal-ivvjaġġar. 
  • Id-deni dengue jista’ jiġi pprevenut permezz tat-tilqim. 

X’inhuma s-sintomi tad-deni dengue?

Id-deni dengue normalment jikkawża deni u sintomi li jixbhu lill-influwenza, inklużi:  

  • Deni
  • Uġigħ fil-muskoli jew fil-ġogi
  • Uġigħ wara l-għajnejn
  • Raxx
  • Dardir 

X’inhuma l-kumplikazzjoni tad-deni dengue?

Filwaqt li ħafna mill-infezzjonijiet tad-deni dengue ma jikkawżaw l-ebda sintomu jew jikkawżaw sintomi ħfief biss, f’xi każijiet l-infezzjoni tista’ tikkawża kumplikazzjonijiet li jkunu ta’ theddida għall-ħajja. Is-sintomi tad-deni dengue severi normalment jiżviluppaw fi żmien jumejn wara li jgħaddu s-sintomi inizjali. Is-sintomi severi tad-deni dengue jinkludu: 

  • Uġigħ fl-istonku
  • Remettar
  • Demm mar-remettar jew mal-ippurgar
  • Tinfaraġ
  • Demm fil-ħanek
  • Għeja kbira
  • Sens ta’ aġitazzjoni – diffikulta’ li żżomm bi kwietek
  • Kumplikazzjonijiet fil-pulmun
  • Pressjoni tad-demm baxxa
  • Riskju ta’ mard tal-qalb 

F’nisa tqal, id-deni dengue jista’ jikkawża wkoll kumplikazzjonijiet, inkluż riskju akbar ta’ pre-eclampsia, problemi fil-kundizzjoni tal-fetu u ħlas qabel iż-żmien.

Kif jinxtered id-deni dengue?

Id-deni dengue spiss jinxtered lill-bnedmin permezz ta’ gdim minn nemus tat-tip Aedes li jkun infettat.

Min huwa f’riskju ta’ deni dengue?

Fil-biċċa l-kbira taż-żoni tal-UE/taż-ŻEE, huwa improbabbli ħafna li n-nies jingidmu minn nemusa infettata. Il-persuni li jivvjaġġaw lejn żoni fejn id-deni dengue huwa aktar komuni huma f’riskju ogħla ta’ infezzjoni.

Barra minn hekk, il-persuni li jkunu ġew infettati qabel bid-deni dengue huma f’riskju ogħla li jimirdu b’mod sever jekk jerġgħu jiġu infettati.  

Id-deni dengue kif jista’ jiġi pprevenut?

It-tilqim jista’ jipproteġi kontra d-deni dengue.

Minbarra t-tilqim, huwa mħeġġeġ ħafna li wieħed jevita li jkun espost għall-gdim tan-nemus billi jintlibes ħwejjeġ li jgħatti l-ġisem u bl-użu ta' repellent tan-nemus f’żoni li fihom għandu mnejn ikun hemm id-deni dengue.

Kif jiġi ttrattat d-deni dengue?

Ma jeżisti l-ebda trattament speċifiku għad-deni dengue. It-trattament għal każijiet ħfief normalment jinvolvi li wieħed iżomm ruħu mistrieħ, idratat u li jikkontrolla s-sintomi sakemm il-marda tgħaddi. Każijiet ta’ deni dengue severi jaf ikunu jirrikjedu kura intensiva.