Il-malarja
X’inhi l-malarja?
Il-malarja hija marda li potenzjalment tista’ tkun ta’ theddid għall-ħajja, u hija kkawżata minn parassiti li jinxterdu permezz ta’ gdim tan-nemus.
Bis-saħħa ta’ miżuri tas-saħħa pubblika b’saħħithom, il-malarja ġiet eliminata fl-Ewropa. Madankollu, tikkawża mijiet ta’ eluf ta’ mwiet kull sena madwar id-dinja kollha, speċjalment fl-Afrika.
Mad-daqqa t'għajn
- Il-malarja tinxtered lill-bnedmin permezz ta’ gdim minn nemus infettat.
- Fl-UE/fiż-ŻEE, jiġu rreġistrati aktar minn 6 000 każ kull sena. 99.8 % tal-każijiet huma relatati mal-ivvjaġġar.
- Il-malarja tista’ tiġi evitata billi l-persuna titlaqqam jew tieħu mediċina ta’ prevenzjoni.
Sir af dwar il-vaċċin kontra l-malarja fil-pajjiż fejn tinsab.
X’inhuma s-sintomi tal-malarja?
Wara l-esponiment, normalment jgħaddu sa ġimagħtejn qabel ma jibdew jidhru s-sintomi tal-aktar forma komuni tal-malarja, għalkemm f’xi każijiet jistgħu jgħaddu xhur qabel ma jibdew jiżviluppaw is-sintomi. Ladarba jibdew, is-sintomi jinkludu:
- Deni
- Tkexkix ta' bard
- Uġigħ ta’ ras
- Għaraq eċċessiv
- Dardir
- Remettar
- Dijarea
- Sogħla
- Suffejra
- Uġigħ fil-ġogi u fil-muskoli
X’inhuma l-kumplikazzjoni tal-malarja?
F’każijiet aktar severi, is-sintomi jistgħu jinkludu wkoll:
- Insuffiċjenza tal-kliewi
- Aċċessjonijiet
- Diffikultà fit-teħid tan-nifs
- Konfużjoni
- Koma
Kif tinxtered il-malarja?
Il-malarja tinxtered lill-bnedmin permezz ta’ gdim minn nemus infettat.
Min huwa f’riskju li jkun infettat bil-malarja?
Kulħadd jista’ jiġi infettat bil-malarja. Dawk li huma l-aktar f’riskju ta’ mard sever jinkludu nisa tqal, tfal żgħar, persuni li għandhom aktar minn 65 sena u persuni b’sistemi immunitarji kompromessi.
Għandha tingħata attenzjoni speċjali jekk qed tippjana li tivvjaġġa lejn żoni fejn il-malarja hija preżenti.
Il-malarja hija preżenti fl-Afrika Sub-Saħarjana, f’partijiet tal-Lvant Nofsani, fl-Amerika Latina u fl-Amerika t’Isfel, fl-Asja u fil-Paċifiku. Fl-UE/fiż-ŻEE, huwa estremament improbabbli li taqbdek il-malarja.
Kif tista’ tiġi pprevenuta l-malarja?
L-aħjar protezzjoni kontra l-malarja hija li jiġi evitat il-gdim tan-nemus. Il-miżuri protettivi jinkludu xbieki tas-sodda għal kontra n-nemus, speċjalment dawk ittrattati b’insettiċidi, ilbies li jkopri l-biċċa l-kbira tal-ġisem u li jiġi applikat repellent tal-insetti fuq il-partijiet tal-ġilda li huma viżibbli.
Tista’ tittieħed mediċina biex tnaqqas ir-riskju li timrad jekk tkun espost(a) għall-malarja waqt li tkun qed tivvjaġġa.
It-tilqim jista’ jipproteġi kontra l-malarja fit-tfal.
Kif tiġi ttrattata l-malarja?
Il-malarja hija emerġenza u tirrikjedi trattament rapidu b’medikazzjonijiet kontra l-malarja biex jitnaqqas ir-riskju ta’ kumplikazzjonijiet severi.