Epatite A
X’inhi l-epatite A?
L-epatite A hija infezzjoni trażmissibbli ħafna li tikkawża infjammazzjoni tal-fwied u tista’ taffettwa l-ħila tiegħu li jiffunzjona. Iż-żmien bejn l-esponiment u s-sintomi għandu medja ta’ bejn 28 sa 30 jum u s-sintomi normalment idumu minn ġimagħtejn sa seba’ ġimgħat.
Daqqa t'għajn lejn. L-epatite A fl-Ewropa
- Infezzjoni tal-fwied ikkawżata minn virus
- L-epatite A tinfirex permezz ta’ nuqqas ta’ iġjene u kuntatt ma’ partikoli ta’ feċi infettati u/jew mill-konsum ta’ ikel jew ilma kkontaminat.
- Madwar 10,000 każ fis-sena
- It-tilqim jista’ jipprevjeni l-epatite A u l-kumplikazzjonijiet tagħha

X’inhuma s-sintomi tal-epatite A?
Infezzjoni tal-virus tal-epatite A spiss ma jkollha l-ebda sintomu jew tirriżulta f’marda ħafifa, b’mod partikolari fi tfal taħt il-ħames snin. Fl-adulti, il-bidu tal-marda normalment ikun f’daqqa, bis-sintomi li ġejjin:
- suffejra (sfura tal-ġilda jew tal-abjad tal-għajnejn)
- urina skura
- għeja
- telf ta’ aptit
- skumdità addominali
- nawsja
- remettar
- deni
Il-persuni jkunu l-iktar infettivi eżatt qabel ma jibdew is-sintomi, il-biċċa l-kbira tal-każijiet ikkunsidrati bħala mhux infettivi wara l-ewwel ġimgħa ta’ suffejra.

X’inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-epatite A?
Epatite rikaduta, mtawla għal massimu ta’ sena sseħħ fi 15 % tal-każijiet. Infezzjoni kronika bl-epatite A mhijiex magħrufa li sseħħ u l-infezzjoni tagħti immunità tul il-ħajja lill-marda.
Ir-riskju ta’ mewt huwa baxx ħafna iżda iktar għoli fost l-adulti li għandhom iktar minn 50 sena jew f’persuni li jsofru minn marda kronika sottostanti tal-fwied.
Kif tinfirex l-epatite A?
L-epatite A hija kkawżata mill-virus tal-epatite A. Dan jinfirex l-aktar spiss permezz tal-ippurgar ta’ persuna infettata, jew billi tikkonsma ikel jew ilma kkontaminat jew b’kuntatt minn persuna għal oħra permezz ta’ iġjene ħażina.
Hija tista’ wkoll tinfirex bejn kuntatti mill-qrib bħal kuntatti fid-dar, kuntatti sesswali u persuni li jiffrekwentaw ċentri ta’ kura ta’ kuljum jew skejjel.
Min huwa f’riskju tal-epatite A?
Il-gruppi li ġejjin huma l-iktar esposti għar-riskju ta’ infezzjoni tal-virus tal-epatite A:
- irġiel li għandhom x’jaqsmu sesswalment ma’ rġiel
- persuni li jgħixu ma’ xi ħadd infettat bl-epatite A
- dawk li jgħixu f’żoni ta’ iġjene u sanità ħżiena
- persuni li jużaw jew jinjettaw id-drogi

L-epatite A kif tista’ tiġi evitata?
L-epatite A tista’ tiġi evitata bl-aħjar mod permezz ta’ sikurezza tal-ikel, sanità u tilqim imtejba.
Miżuri stretti ta’ kontroll, bħat-tisħiħ tal-iġjene personali, it-traċċar tal-kuntatti u l-amministrazzjoni ta’ vaċċin lil persuni esposti, urew ukoll li huma effettivi.
Jeżistu diversi tilqim effikaċi u siguri disponibbli. Il-vaċċini huma effettivi anke jekk jingħataw sa għaxart ijiem wara l-esponiment.
Kif tiġi ttrattata l-epatite A?
Ma teżisti l-ebda kura speċifika għall-epatite A, it-terapija hija ta’ appoġġ biss, u l-pazjenti normalment jirkupraw b’mod spontanju.
Nota: L-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva hija maħsuba għall-iskop ta’ informazzjoni ġenerali u ma għandhiex tintuża bħala sostitut tal-għarfien espert individwali u għall-ġudizzju ta’ professjonist fil-qasam tal-kura tas-saħħa.